Internazzjonali

Covid-19: Passi kawti lejn in-normalità fl-Ingilterra, b’Londra ma tirreġistra l-ebda imwiet mill-virus għall-ewwel darba f’sitt xhur

L-Ingilterra u bnadi oħra tar-Renju Unit qed ikomplu javviċinaw in-normalità, bl-awtoritajiet jirtiraw id-direttivi biex in-nies jibqgħu ġewwa bħala miżura ta’ sigurtà. Minn issa ‘il quddiem, żewġ familji – jew gruppi ta’ mhux aktar minn sitta — jistgħu jiltaqgħu flimkien fuq barra; waqt li t-tiġijiet reġgħu huma permessi bil-patt li jattendu sitt persuni biss.

Il-faċilitajiet sportivi fl-Ingilterra fetħu wkoll, b’dawn jinkludu t-tennis courts u l-korsijiet tal-golf. Dan waqt li jistgħu jsiru diversi tipi ta’ sport fuq barra taħt livell ta’ superviżjoni. Sadanittant, il-messaġġ tal-Gvern hu biex in-nies jibqgħu kawti xorta waħda, bil-Prim Ministru Boris Johnson ifakkar li l-każi tal-infezzjoni fl-Ewropa żdiedu u li l-varjanti qegħdin jheddu r-rollout tal-vaċċini.

Intant, l-awtoritajiet f’Londra ma rrappurataw l-ebda imwiet dovuti għall-Covid-19 għal perjodu ta’ 24 siegħa. Din kienet l-ewwel darba f’sitt xhur li ma kien hemm l-ebda fatalitajiet mill-Covid-19 għal jum sħiħ f’din il-belt kapitali.

Iċ-ċifri tal-Public Health England għat-28 ta’ Marzu  urew, intant, li l-ebda pazjent ma miet bil-Covid-19 fi żmien 28 jum wara li ttestja pożittiv għall-virus.

F’April tas-sena l-oħra – waqt li l-pandemija kienet fl-agħar tagħha – l-awtoritajiet f’Londra kienu qed jikkonfermaw medja ta’ 230 mewta kuljum li kienu relatati mal-virus. F’din il-belt kienu reġistrati mat-12 fil-mija tal-imwiet kollha mill-coronavirus fir-Renju Unit – b’Londra, is-sena l-oħra, tispiċċa l-epiċentru tal-ewwel mewġa tal-Covid-19.

Sallum, ‘il fuq minn 30 miljun laħqu tlaqqmu kontra l-Covid-19 fir-Renju Unit, b’’il fuq minn 3.5 miljun adulti jingħataw it-tieni tilqima.

Sadanittant, il-pronostiku ma jidhirx daqstant tajjeb għall-Ġermanja, fejn il-Kanċillier Angela Merkel insistiet biex ir-reġjuni tal-pajjiż jimxu ‘eżatt’ mal-miżuri tal-lockdown li kienu ftehmu mal-Gvern ta’ Berlin. Fil-fatt, iz-zoni tal-pajjiż li rreġistraw ‘il fuq minn 100 infezzjoni għal kull 100,000 persuna huma obbligati li jimponu l-curfews – iżda mhu se jkun impost l-ebda lockdown fil-Ġermanja għaż-żmenijiet tal-Għid.

Fi Franza, l-ammont tal-pazjenti bil-Covid-19 li jinsabu taħt kura intensiva qabeż l-4,900 u li hu viċin ħafna ‘il-massimu’ ta’ Novembru li għadda. It-tobba f’Pariġi wissew li dalwaqt se jkollhom ‘jagħżlu’ bejn il-pazjenti li jirrikjedu l-kura urġenti f’sitwazzjoni fejn ‘kważi spiċċaw l-ispazju għas-sodod’. Dan meta Pariġi u 18-il reġjun ieħor ta’ Franza għadhom s’issa taħt lockdown parzjali.