Niġerjan ta’ 42 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li ħabat ma’ ħajt meta pprova jevita li jintlaqat minn makkinarju li waqa’ għal fuqu.
Jirriżulta li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15pm meta r-raġel kien qed jaħdem fis-sit tal-kotruzzjoni fi Triq il-Wied Merill, f’San Lawrenz. Għal xi raġuni, parti mill-makkinarju waqa’ fid-direzzjoni tiegħu u għalhekk, in-Niġerjan ta s-salt biex jipprova jevita milli jintlaqat.
Madankollu, hu ħabat ma’ ħajt u aktarx, intilef minn sensih. Fil-post, hu ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku, li ħa lir-raġel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Hemm hu kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti serji u li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. Għaldaqstant, hu kellu jiġi trasferit lejn l-Isptar Mater Dei, b’ħelikopter.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Bridgette Sultana, li qed tmexxi Inkjesta, assistita minn għadd ta’ esperti, filwaqt li aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>