“Fis-supermarket ma tixtrix ir-rispett lejn ħaddieħor, faċli tikkritika milli tfaħħar lit-tim oppost”. Din kienet ir-reazzjoni tal-kowċ nazzjonali Devis Mangia meta kien mistoqsi mill-ġurnalist ta’ netnews dwar il-kritika u d-dimertu li ngħata pajjiżna fil-midja internazzjonali fl-aħħar jiem, fosthom mill-midja Slovakka wara d-draw ta’ 2-2 u mill-kowċ Ingliż Harry Redknapp.
Filwaqt li saħaq li hu iffukat fuq it-tim nazzjonali Malti, Mangia qal li huwa sodisfatt ħafna bil-prestazzjoni tat-tim Malti fl-ewwel taqsima u fl-aħħar 30 minuta kontra l-Islovakkja.
B’rabta mal-partita t’għada, il-kowċ nazzjonali Malti qal hija l-aktar partita diffiċli tal-grupp, kontra tim li kapaċi jdawwar il-ballun aktar malajr mill-avversarji preċedenti u kapaċi wkoll jirbħu dwelli fiżikament.
Minkejja dan Mangia saħaq li l-attitudni tal-Maltin m’hijiex se tinbidel se nippruvaw nieħdu ċ-ċansijiet li se jkollna.
Il-midfielder żagħżugħ Matthew Gullaimier, ukoll tkellem dwar il-metalita’ li daħħal fit-tim il-kowċ Devis Mangia, filwaqt li faħħar lil-plejer sieħbu ta’ nofs il-ground Teddy Teuma, fejn saħaq li għandu ħafna x jista’ jitgħallem mingħandu.
Gullaimier irikonoxxa li wara tliet partiti f’ġimgħa il-plejers huma xi ftit għajjenin fiżikament u mentalment, iżda saħaq li huwa mportanti li jkunu b’saħħithom mentalment sabiex jaffrontaw lit-tim Kroat.
Għada it-tim nazzjonali Malti jilgħab kontra l-Kroazja fid-8.45pm fl-iStadion HNK Rijeva, fil-Kroazja.
//= $special ?>