Il-media sportiva fis-Slovakkja b’kliem u kritika ħarxa lejn it-tim nazzjonali tagħhom wara d-dro kontra Malta
Jumejn wara r-riżultat prestiġjuż u pożittiv ta’ Malta kontra s-Slovakkja, f’Tranava, bl-iskor ta’ 2-2, u l-media Slovakka għadha ma tridx tieqaf tikkumenta u tikkritika b’kliem iebes u b’ton ta’ rabja u diżappunt kbir, lejn il-prestazzjoni tat-tim nazzjonali tagħhom. Il-kanuni qed iduru lejn il-kowċ Štefan Tarkovič, bil-media sportiva fil-pajjiż qed titlob għar-riżenja tiegħu, speċjalment wara li fil-partita preċidenti, is-Slovakkja temmew fi dro ieħor ta’ mingħajr gowls kontra Ċipru f’Nicosia.
Net Sports tkellem ma’ Pavol Spál, ġurnalist sportiv ta’ Športnet.sk; aġenija tal-aħbarijiet sportivi fis-Slovakkja, liema pajjiż sa qabel l-1993 kien jagħmel parti mill-istat Ċekoslovak, qabel ma seħħet il-famuża separazzjoni bejn il-pajjiżi tar-Repubblka Ċeka u l-istess Slovakkja. “L-aħħar darba li t-tim nazzjonali tagħna tilef il-punti kontra pajjiż żgħir u mhux kwotat, kien fl-2013 kontra Liechtenstein. Dak in-nhar konna temmejna dro ta’ 1-1 u l-kowċis nazzjonali f’dak iż-żmien, Michal Hipp u Stanislav Griga kienu tkeċċew wara l-partita,” ikkumenta Spál.
Lilhinn mid-diżappunt Slovakk, Spál irrikonoxxa l-progress li qed jagħeml it-tim nazzjonali Malti, issa taħt it-tmexxija ta’ Devis Mangia bħala kowċ. “Il-bidla li qed tagħmel Malta fil-futbol qed tidher u nhar is-Sibt stajtu anke erbaħtu l-partita. Anke jekk tħares lejn l-ammont ta’ okkażżjonijiet ta’ skor li Malta kellha kontra tagħna. Imma meta tara li plejer mir-raba’ diviżjoni fl-Ingilterra skorja gowl kontra tagħna (b’referenza għal Luke Gambin li skorja l-ewwel gowl tal-partita u l-ġmiel tiegħu, u li jilgħab ma’ Newport County f’League Two tal-Ingilterra), allura bilfors nasal biex ngħid li għadna problema kbira fl-iskwadra,” kompla jgħid Spál.
Meta wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn x’kienu t-titli tal-ġurnali Slovakki, l-għada tal-partita kontra Malta, malajr wieħed jinduna li dan ir-riżultat qed jitqis mis-Slovakki bħala wieħed diżastruż u umiljanti għall-pajjiżhom fuq livell ta’ futbol. ‘Dan ir-riżultat hu tassew diżappuntanti. Ħasra kbira. Il-kowċ nazzjonali tagħna qed jargumenta li kontra Malta kellu disa’ plejers nieqes, imma din mhux skuża. B’kull rispett lagħbna kontra Malta,” qal b’rabja Spál.
Il-ġurnalist ta’ Športnet.sk spjega kif bħala plejers, it-tim nazzjonali Slovakk m’għandux stilel kbar, imma tal-anqas dawn il-plejers jilgħabu f’Kampjonati diċenti. Kien hawnhekk fejn Spál semma l-Kampjonat domestiku fis-Slovakkja, kif ukoll dawk barra mill-pajjiż, fosthom il-Kampjonati fil-pajjiżi tar-Republlika Ċeka, Polonja, Belġju, Olanda u Italja. “Dawn il-Kampjonati kollha huma ta’ livell differenti mill-Kampjonat f’Malta. Fis-Slovakkja għadna 30 plejer li qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni Pollaka, u għoxrin plejer ieħor li qed jilgħab fir-Repubblika Ċeka,” kompla jgħid Spál.
Wara dan ir-riżultat kontra Malta, li nissel rabja u frustrazzjoni kbira fost il-partitarji Slovakki, għada t-tim immexxi minn Tarkovič se jkun qed jerġa’ jilgħab f’daru, din id-darba b’avversarji ferm itqal minn Malta, ir-Russja. Is-Slovakkja hu wieħed mill-pajjiżi li f’Ġunju li ġej se jkun qed jilgħab fil-fażi finali tal-Ewro 2021.
//= $special ?>