Lokali

Iċ-Ċiniżi li innegozjaw il-bejgħ tal-Enemalta huma l-ismijiet wara l-kumpanija sigrieta Macbridge

Ifeġġ l-isem ta' kumpanija sigrieta oħra - Dow's Media

L-Aġenzija internazzjonali Reuters żvelat illi s-sid tal-kumpanija Macbridge hi ċ-Ċiniża Tang Zhaomin; il-kunjata ta’ Cheng Chen li kien il-moħħ wara l-bejgħ tal-Enemalta lil Shanghai Electric u l-proġett tal-windfarms fil-Montenegro.

Reuters, flimkien ma’ Times of Malta, waslu biex identifikaw il-familja ta’ Cheng Chen wara investigazzjoni li damet għaddejja sena sħiħa.

Fil-perijodu meta saru dawn id-deals li fihom hemm imdaħħal Cheng Chen, Keith Schembri kien Chief of Staff f’Kastilja u Konrad Mizzi kien responsabbli mill-proġetti tal-enerġija.

L-investigazzjoni żvelat li b’mod parallel mat-twaqqif ta’ Macbridge, kienet twaqqfet ukoll il-kumpanija Dow’s Media li fiha għaddew flus minn 17 Black ta’ Yorgen Fenech.