Lokali

Id-deputat Konrad Mizzi jikser xhur ta’ silenzju

L-eks Ministru Laburista ta għall-Facebook biex jgħid li ma għandux relazzjoni ma' Macbridge

Wara xhur ma nisimgħu b’aħbaru, id-deputat u l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi kiser is-silenzju wara l-istorja żvelata mir-Reuters biex fuq Facebook ċaħad li għandu jew qatt kellu xi tagħrif fuq il-kumpanija Macbridge jew xi relazzjoni magħha, diretta jew indiretta.

Minkejja dan, ma ċaħadx li kellu relazzjoni man-neputi tas-sid tal-kumpanija Macbridge, Chen Cheng, hekk kif kien jafu bħala konsulent max-Shanghai Electric Power fuq numru ta’ inizjattivi. Dan meta kellu portafoll superministerjali, li jkopri l-Enerġija, fil-kabinett tal-eks Prim Ministru Laburista, Joseph Muscat.

Għalkemm ir-rivelazzjonijiet dwar il-kumpanija tiegħu Hearnville ħarġu f’April 2016 meta faqqa’ l-Panama Papers, Konrad Mizzi qed ikompli jiċħad li kellu xi pjan ta’ negozju ma’ Macbridge jew li għandu xi interess personali f’xi proġett pubbliku, b’riferenza għax-xiri ta’ 33% tal-ishma tal-Enemalta mix-Shanghai Electric Power li biha akkwistaw l-impjant tal-BWSC.