Lokali

Ikomplu jikbru d-dubji dwar il-proċess tat-tilqim

Il-proċess tat-tilqim tal-Covid-19 f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat kien is-suġġett ta’ kontroversja hekk kif kienu diversi dawk li tkellmu dwar is-sistema dubbjuża u xejn trasparenti kif jitmexxa dan il-proċess.

Dan kien wassal saħansitra biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jitlob li ssir inkjesta sabiex ikun stabbilit jekk dan il-proċess hux miexi kif suppost – jiġifieri li dawk li kellhom jingħataw priorità fit-tilqim mhumiex qed jinqabżu minn persuni li m’għandhomx l-istess urġenza.

Issa l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, wara artiklu ieħor, din id-darba fuq il-Malta Independent on Sunday, ħass li kellu jikkuntattja lill-edituri ta’ din il-gazzetta. Dan meta fl-artiklu li deher il-Ħadd, ġie żvelat kif tliet ħaddiema tal-istess gazzetta ġew avviċinati minn tliet persuni differenti, u lkoll ġew offruti l-opportunità li jitpoġġew fuq lista ta’ ‘priorità’, jew, bażikament.. biex jaqbżu l-kju.

Dan il-fatt jikxef li teżisti lista, jew listi, li fuqhom qed jitniżżlu persuni li għandhom jingħataw it-tilqima qabel ma jmisshom.

Jidher li l-Ministru Chris Fearne ċempel direttament lill-edituri biex jitlob informazzjoni dwar il-persuni li avviċinaw lill-ħaddiema tal-gazzetta, madankollu, u kif inhu dmir tal-ġurnalista, l-edituri għamluha ċara li mhux se jikxfu lill-dawk li huma rreferew għalihom bħala middleman f’dan kollu.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jidher evidenti li hemm min l-interess tiegħu hu li f’dan il-proċess kollu t-tilqima tintuża bħala mod kif wieħed isirlu ‘pjaċir’ jew ‘jinqeda’ qabel ħaddieħor… fl-istess waqt li għad għandek eluf ta’ persuni anzjani u vulnerabbli li għadhom ma rċevewx l-appuntament tagħhom.