Lokali Saħħa

Il-frontliners għandhom bżonn support psikoloġiku minħabba dak li għaddejjin minnu – PN

Ir-rapporti fil-midja minn infermieri tat-Taqsima tal-Kura Intensiva turi l-istat li qegħdin fih dawn l-istess infermieri u tant oħrajn li qegħdin jaħdmu ma’ pazjenti tal-COVID-19 fejn spjegaw kif jinsabu mentalment imkissra u kif l-ammont ta’ każijiet li jeħtieġu kura fl-isptar issa qed iħalli effett anki fuq is-saħħa psikoloġika u mentali tagħhom.

Hekk sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali Mario Galea fejn spjega li l-Oppożizzjoni ilha tgħid li l-frontliners għandhom bżonn support psikoloġiku minħabba dak li għaddejjin minnu, fejn litteralment ilhom aktar minn sena jikkumbattu jum wara l-ieħor ma’ każ wara l-ieħor tal-COVID-19 b’nuqqas serju ta’ staff.

Il-fatt li m’għandhomx biżżejjed ċans jagħtu l-kura professjonali massima li jixtiequ u li huma mħarrġa fiha lil kull min għandu bżonnha qed ikompli jkissirhom psikoloġikament u mentalment.

Studji internazzjonali ilhom jgħidu li l-effett mentali li se tħalli din il-pandemija fuq il-frontliners se tkun devastanti.

Ċertu studju saħansitra qed jgħidu li dawn il-frontliners se jkollhom l-istess
effett psikoloġiku ta’ suldati li jkunu għall-gwerra (Post Traumatic Stress Disorder).

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella lill-Gvern biex joffri kull assistenza possibbli lil dawn il-frontliners inkluż għajnuna psikoloġika. Dawn huma l-aħħar linja ta’ difiza tagħna u jekk jitkissru huma ma jkollna lil hadd lil min jieħu ħsiebna u jiddefendina minn dan il-virus qattiel.

L-Oppożizzjoni ssellem lit-tobba, infermieri u l-frontliners kollha nkluż imma mhux biss dawk tat-Taqsima tal-Kura Intesiva u tirringrazzjahom għas-sagrifiċċji kbar li qegħdin jagħmlu.

Sagrifiċċji li aħna stess l-anqas biss nistgħu nibdew biex nifhmu. L-Oppożizzjoni tappella lill-poplu sabiex josserva b’mod rett il-pariri kollha tas-Supredendent tas-Saħħa Pubblika biex safejn huwa possibbli nżommu n-numru ta’ dawk infettati baxx kemm jista’ jkun.