Lokali

Imut Godfrey Grima

Tħabbret il-mewt tal-ġurnalist Godfrey Grima, ħu l-Eks Ministru Joe Grima. Hu miet fl-età ta’ 78 sena.

Godfrey Grima twieled iż-Żejtun u ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle. Il-karriera ġurnalistika tiegħu bdieha bħala reporter mal-gazzetta Il-Ħaddiem u aktar tard okkupa l-kariga ta’ news editor qabel mar jgħix Londra.

Fl-1967, Grima kien wieħed mill-ewwel impjegati tal-Financial Times Foreign Desk li dak iż-żmien, bħala gazzetta, kienet qed tespandi fuq livell internazzjonali. Kien fix-xogħol tiegħu mal-Financial Times li Grima speċjalizza fl-analiżi tal-aħbarijiet politiċi u ekonomiċi, liema analiżi, din il-gazzetta hija magħrufa għaliha internazzjonalment. Fil-bidu tas-snin sebgħin din il-gazzetta kellha wkoll uffiċċju f’Malta mmexxi proprju minn Grima sakemm irtira mill-Financial Times fl-2010.

Godfrey Grima kien ukoll il-fundatur tal-Associated News Group, illum magħruf bħala TBWA-ANG, aġenzija tal-komunikazzjoni magħrufa għall-kampanji ta’ reklamar li organizzat matul is-snin. Għal diversi snin, hu kien ukoll iċ-Chairman ta’ din il-kumpanija.

Godfrey Grima okkupa wkoll diversi karigi. Fost oħrajn kien ukoll membru fil-Kunsill tal-Università u anke konsulent ma’ diversi klijenti ewlenin kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat.

Hu ppreżenta programmi ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon nazzjonali u ħa sehem bħala opinjonist f’diversi programm televiżivi, inkluż bħala mistieden diversi drabi fi programmi ta’ diskussjoni fuq Net Television.