Lokali

Is-servizzi tal-internet u mobile tal-BOV sospiżi temporanjament

Aġġornament tas-sistema tal-IT tal-Bank of Valletta

Il-Bank of Valletta se jkun qed jagħmel aġġornament skedat tas-sistema tal-IT u għaldaqstant uħud mis-servizzi tal-Bank se jiġu interrotti mill-Ħadd 4 ta’ April fis-7.00 am sat-Tnejn 5 ta’ April f’nofsinhar (12.00 pm).

Il-BOV Internet Banking u l-BOV Mobile Banking se jkunu disponibbli biss biex wieħed jara l-kontijiet bit-tranżazzjonijiet li saru sas-6 am tal-4 ta’ April.u biex iwaqqaf kard bankarja. Il-funzjonijiet l-oħra kollha mhux ser ikunu disponibbli.  Għaldaqstant il-klijenti huma mħeġġa biex jgħamlu t-tranżazzjonijiet bankarji tagħhom, inkluż trasferimenti lejn il-kontijiet tal-kards, sas-6.00 am ta’ nhar il-Ħadd 4 ta’ April.  Il-Bank ifakkar lil klijenti tiegħu li nhar it-Tnejn 5 ta’ April il-fergħat kollha tiegħu ser ikunu magħluqin peress li din il-ġurnata hija bank holiday.

Matul dan il-perjodu, il-klijenti jkunu jistgħu jkomplu jużaw il-BOV Cards u l-BOV Pay b’mod normali. L-EPOSes tal-BOV ukoll se jibqgħu jaħdmu b’mod normali. Barra minn hekk, ġbid ta’ flus kontanti, iċċekkjar tal-bilanċ u top-ups tal-mobile jibqgħu disponibbli mill-ATMs kollha tal-BOV. Il-klijenti jistgħu wkoll jiġbdu l-flus minn ATMs oħra, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta (tariffi normali japplikaw).  Il-Customer Service Centre se jkun qed jopera għal għajnuna fuq EPOSes u sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jirrapportaw BOV Cards mitlufin jew misruqa u każijiet ta’ frodi. 

Il-Bank jiskuża ruħu għal kull inkonvenjent li dan il-qtugħ temporanju u essenzjali tas-servizzi tiegħu jista’ jikkawża lill-klijenti tiegħu.