Ambjent Edukazzjoni Lokali Parlament

It-tfal mhumiex sodisfatti bl-istat tal-ambjent

Ippubblikati r-riżultati tal-proġett "KomunitArja" fost aktar minn 900 tifel u tifla minn madwar Malta u Għawdex

Il-maġġor parti tat-tfal mhumiex sodisfatti bin-nuqqas ta’ spazji miftuħa u l-kwalità tal-kampanja li wieħed isib f’pajjiżna għaliex jaħsbu li m’hawnx biżżejjed spazji miftuħa siguri u żoni ta’ rikreazzjoni għall-familja u l-ħbieb. Fl-istess waqt, it-tfal Maltin huma mħassba fuq l-ambjent, il-ħmieġ u n-nuqqas ta’ indafa

Dan ir-riżultat ħareġ mill-progett “KomunitArja”, proġett tal-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà, li kien jikkonsisti f’konsultazzjoni pubblika fuq medda ta’ sentejn ma’ aktar minn 900 tifel u tifla minn madwar Malta u Għawdex ġejjin minn sferi differenti tal-ħajja; konsultazzjoni dwar kif l-ambjent u l-arja f’pajjiżna jolqot lill-istess tfal.

Dan il-proġett kien ilu fil-ħsieb minn żmien il-presidenza tal-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, u kien imsejjes fuq numru ta’ artikli fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt li t-tfal ma jkunux iddiskriminati, id-dritt li jħares li t-tfal jkollhom vuċi b’saħħitha fuq materji li jolqtuhom direttament kif ukoll id-dritt għall-aċċess ta’ ambjent sigur u san li jgħinhom jiżviluppaw fiżikament u mentalment.

L-ewwel parti tal-proġett kien jinvolvi konsultazzjoni pubblika mat-tfal ta’ Ħaż-Żabbar, bejn 8 u 11-il sena. Sussegwentament, kawża tal-pandemija, il-proġett tkompla online biex hekk laħaq aktar tfal madwar iż-żewġ gżejjer hekk kif kull tifel u tifla kellhom dispost għalihom kwestjonarju dwar dan is-suġġett.

F’din il-konsultazzjoni, it-tfal ressqu ukoll il-prosposti tagħhom fosthom għal aktar faċilitajiet ta’ rikreazzjoni fuq ġewwa minħabba l-maltemp, u żieda ta’ spazji aktar inklussivi. Dawn il-punti flimkien ma’ għadd ta’ disinnji li ħejjew l-istess tfal inġabru minn design house u d-disinnjaturi ħejjew proto-tipi ta’ spazji miftuħa skont ix-xewqat li esprimew l-istess tfal.

Dan ir-rapport soċjo-xjentifiku ġie ppreżentat it-Tnejn filgħodu lill-iSpeaker Anġlu Farrugia, li saħaq fuq l-importanza li l-vuċi tat-tfal tkun rappreżentata fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u għalhekk se jkun qed jgħaddi r-rapport lill-kumitati parlamentari għall-kunsiderazzjoni tagħhom.

Waqt il-preżentazzjoni, Marie Louise Coleiro Preca saħqet fuq l-importanza li l-parteċipazzjoni tat-tfal tissaħħaħ…inkluż bit-twaqqif tal-Parlament tat-Tfal.