Lokali Qorti

Każ irid jerġa’ jinstema’ mill-ġdid minħabba li s-sentenza ma kinitx motivata

Il-Qorti tal-Appell ordnat li l-atti fil-konfront ta’ raġel mill-Gżira jintbagħtu lura lill-Qorti tal-Magistrati sabiex tiddeciedi l-kaz mill-gdid ħlief dawk l-akkużi li minnhom kien liberat. Ir-raġuni għal din id-deċiżjoni ttieħedet peress li s-sentenza mill-ewwel Qorti ma kinitx waħda motivata.

Thomas Camilleri ta’ 31 sena kien ġie kundannat tliet snin ħabs u jattendi programm wara li kien nstab ħati li għamel qliegħ b’qerq, li ffroda persuna u għamel profitt illeċtu fil-konfront ta’ persuna.

Huwa minn dejjem wieġeb mhux ħati għal tliet akkużi ta’ frodi li jammontaw għal €1,000, u li nstab ħati ffroda tliet persuni b’valur ta’ €300, €500 u €200. Huwa ma nstabx ħati li seraq PlayStation, li għamel użu ħażin ta’ telefon ċellulari u akkużi oħra.

Huwa kien qed jiġi mixli li wettaq dawn ir-reati f’xi ħin bejn it-18 ta’ Settembru, 2015 u l-21 ta’ Settembru 2015. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti qalet li ddeċidiet b’dan il-mod wara li semgħet lil Camilleri jitlob in-nullità tas-sentenza u l-eċċezzjoni tal-Avukat Ġenerali.

Camilleri qal li s-sentenza għandha tiġi dikjarata nulla minħabba li l-ewwel Qorti, f’xejn anqas minn tliet okkażjonijiet naqset milli tgħid x’inhuma l-fatti tal-każ, naqset milli tgħid għaliex kienet qed issib lill-imputat hati, kif ukoll li tipprovdi dwar l-10 “imputazzjoni” fil-konfront tiegħu ghar-rigward tar-reċidiva.

Il-Qorti qalet li l-appellant korrettament jagħmel referenza għall-artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali li jelenka l-elementi li għandhom isawru sentenza għall-validita’ tagħha:

“Il-Qorti meta tagħti s-sentenza kontra l-imputat, għandha tghid il-fatti li tagħhom dan ikun ġie misjub ħati, tagħti l-piena u ssemmi lartikolu ta’ dan il-Kodici jew ta’ kull liġi ohra li tkun tikkontempla r-reat”, qal l-Imħallef.

“Minn din l-ottika, Camilleri huwa korrett meta jiċċità l-artikolu applikabbli fejn sostna li l-ewwel Qorti ma semmietx il-fatti li dwarhom kienet qed tinstab ħtija u ma ngħatat l-ebda motivazzjoni għas-sentenza tagħha.”

Il-Qorti naqset ukoll milli tipprovdi dwar dik li jsejjah “imputazzjoni” numru 10. Il-fatt numerat 10 fiċ-“charge sheet’ kif ukoll fl-elenku tal-fatti fis-sentenza tgħid hekk:

“Sar recediv ai termini tal-artikoli 49 u 50 tal-Kap 9 tal-Ligijiet ta’ Malta, b’sentenza moghtija lilu mill-Qorti tal-Magistrati (Mala), liema sentenza saret definittiva u ma tistax tiġi mibdula.”

Issa, ghalkemm fis-sentenza appellata l-Qorti ssemmi dan l-allegat fatt bl-istess numru, jiġifieri numru 10, hija siekta għall-aħħar in rigward u fil-fatt ma tipprovdi xejn dwaru.

Għal preċiżjoni, din mhix imputazzjoni għaliex kif fil-ġħurisprudenza dan huwa addebitu li f’każ li tinsab ħtija l-Qorti kellha tiddikjara lill-ħati bħala reċidiv fit-termini tal-artikolu 49 u 50 tal-Kap 9.

L-ewwel Qorti naqset milli tagħmel dan anke wara li sabet ħtija f’uħud mill-fatti imputati. L-Avukat Ġenerali ukoll għamel din l-osservazzjoni. L-Avukat Maria Francesca Spiteri, għall-Avukat Ġenerali tkellmet ukoll fuq in-nuqqas tal-Ewwel Qorti li tagħti raġunijiet għas-sejbien ta’ ħtija

Ghal dawn il-motivi, l-Qorti tal-Apell qalet li filwaqt illi tiċħad in parti l-ewwel aggravju tal-appellant fejn jitratta dwar in-nullità tas-sentenza minħabba nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza, tilqa’ l-aggravju kwantu nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-addebitu tar-reċidiva.

Laqgħet ukoll it-talba tal-Avukat Ġenerali dwar n-nullità tas-sentenza appellata in kwantu l-ewwel Qorti naqset milli tippronunzja ruhha dwar ir-reċidiva kif ukoll dwar li l-ewwel Qorti naqset milli tindika l-artikolu meta sabet ħtija fuq ir-reċidiva. L-Ispettur Jonathan Ransley mexxa l-Prosekuzzjoni. Għall-akkużat deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.