L-avvenimenti żvelati fl-aħħar sigħat jikkonfermaw kemm pajjiżna għandu bżonn jibda paġna ġdida. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru għandu r-responsabbiltà jara li ssir ġustizzja u li tkun magħrufa l-verità kollha.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-aħbar li kkonfermat kif il-kumpaniji sigrieti fil-Panama miċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri u mill-eks Ministru Konrad Mizzi inħolqu biex jilqgħu miljuni ta’ ewro f’korruzzjoni mill-proġetti li daħlet għalihom l-Enemalta wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista.
Bernard Grech sellem il-ħidma tal-ġurnalisti li qed ikomplu jiżvelaw aktar dettalji u anke tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kienet l-ewwel waħda li bdiet tinvestiga din ix-xibka ta’ korruzzjoni u kriminalità fl-ogħla livell tal-Gvern. Ħidma li b’sagrifiċċji kbar, anke personali, qed tkompli tikxef kif il-Partit Laburista wiegħed ħolma sabiħa, iżda tana biss inkubu.
Kompla li din tal-lum hi konferma oħra tal-korruzzjoni kbira u istituzzjonalizzata li seħħet mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela, tant li kellhom ikunu l-ġurnalisti li jikxfu dawn l-affarijiet, u mhux inkixfu għax l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.
Illum aktar minn qatt qabel, għandna konferma oħra li l-assi tal-poplu nbigħu u li miljuni ta’ ewro tal-poplu ntefqu mhux fl-interess nazzjonali, iżda biex Keith Schembri u Konrad Mizzi jaqilgħu l-miljuni moħbija fil-kumpaniji tagħhom il-Panama.
Dan kollu seħħ taħt imnieħer Robert Abela, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li sal-lum għadu qed jiddefendi dak li seħħ u li sewa lill-pajjiż tant miljuni.
Bernard Grech qal li quddiem dan kollu, Robert Abela għandu responsabbiltà politika xi jġorr. Għandu b’mod immedjat jibda l-proċess biex il-pajjiż jinħall mir-rabtiet li għandu mal-kumpanija Electrogas.
Robert Abela għandu b’mod immedjat jibda l-proċess għal investigazzjoni f’dan il-każ ukoll u jgħid x’passi ħa u x’se jkompli jieħu biex toħroġ il-verità kollha dwar l-iskandlu tal-investiment fil-Montenegro.
Bernard Grech qal li llum hu dejjem aktar ċar minn qatt qabel li kulfejn kienu mdaħħlin Muscat, Schembri u Mizzi, kien hemm il-korruzzjoni. U jekk Robert Abela jibqa’ ċass quddiem dan kollu, ikun kompliċi magħhom hu ukoll.
//= $special ?>