Internazzjonali

L-Indoneżja: Arresti wara l-attakk fuq il-katidral

Il-pulizija Indoneżjana wettqet sensiela ta’ rejds fejn spikkaw l-arresti ta’ persuni b’relazzjoni mal-isplużjoni ta’ nhar il-Ħadd barra l-katidral tal-Kattoliċi fil-belt ta’ Makassar. L-attakk kien seħħ waqt li d-devoti kienu qed jiċċelebraw Ħadd il-Palm – jew il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Fl-isplużjoni ndarbu tal-anqas 20, b’ħafna minnhom għadhom rikoverati l-isptar, u biż-żewġ aggressuri jitilfu ħajjithom f’dik l-azzjoni suwiċida. Il-pulizija qalu li l-aggressuri kienu raġel u mara li żżewġu ftit xhur ilu u ku kienu membri ta’ grupp estremista b’simpatiji mal-moviment terroristiku ISIS.

Il-qawwiet tal-liġi, intant, fittxew fid-dar tal-aggressuri li mietu mal-ewwel fl-isplużjoni improvizzata wara li huma daħlu b’mutur fil-kumpless tal-knisja.

Intant, il-membri tat-taqsimiet ontra t-terrur qed ikomplu bl-investigazzjonijiet biex jaraw jekk kienx hemm aktar nies involuti fl-attakk tal-Ħadd.