Lokali Saħħa

MONTE CARMELI: l-investiment tal-miljuni xejn ħlief fake news – MUMN

"Inaċċettabbli li l-Ministru tas-Saħħa qed ikompli jipprova jbella l-fake news lill-pubbliku"

Is-suppost investiment tal-miljuni ta’ ewro fl-isptar Monte Carmeli ġie deskritt bħala xejn anqas minn fake news mill-union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN.

Il-union qalet li fl-aħħar tmien snin, fl-istpar Monte Carmeli ingħalqu tmien swali u l-mantunezjoni hija ineżistenti u riedet taċċerta lill-media u lill–pubbliku in ġenerali li mhu qed isir l-ebda investiment f’dan l-isptar. għajr għaċ-ċaqliq ta’pazjenti kroniċi lejn djar tal-kura tal-anzjani li mhumiex speċjalizzati fil-kura tas-saħħa mentali.

Fi stqarrija ta’ kundanna għat-telqa li spiċċa fih dan l-uniku sptar tas-saħħa mentali f’pajjiżna, il-union tal-infermiera u qwiebel fakkret kif uħud minn dawn is-swali ilhom magħluqin aktar minn sitt snin.

Parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-2017

L-MUMN qalet li din is-sitwazzjoni qed tirriżulta f’taħlit ta’ pazjenti b’kundizzjonijiet kroniċi ma’ dawk akuti. Xi ħaġa li l-professjonisti jinsistu kontriha.

Aktar minn hekk, il-management tal-isptar ta’ spiss isib diffikultà biex isib sodod vojta għal pażjentii ġodda, b’riżultat li qed jonqos ir-rispett lejn id-dinjità tal-pazjenti.

Il-union tistaqsi kif fi sptarijiet oħra sala titranġa f’sena u f’Mount Carmel kull sala li ngħalqet baqgħet ma nfetħitx.

Filwaqt li fl-aħħar ġimgħa għalqet sala oħra, kollox qed jindika li fiż-żmien li ġej se jkomplu jingħalqu aktar swali.

L-MUMN qed tinsisti li din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli u ma jistax ikun jibgħqu jingħaqlu s-swali mingħajr ma jsir xi tip ta’ progress. Dan, kompliet il-union, qed jaqta’ qalb il-ħaddiema ta’ dan l-isptar li qed jaħdmu dejjem f’ambjent aktar diffiċli.

L-istqarrija temm tgħid li kemm il-ħaddiema ta’ Monte Carmeli kif ukoll il-pazjenti li qed jingħataw il-kura fih qed isibu ruħhom fi sptar li l-Ministeru tas-Saħħa għażel li jabbanduna. Dan, insistiet il-union, qed ikomplu jikxef kif il-Ministru tas-Saħħa qed jibqa’ jgħaddi fake news lill-media meta fil-verità dan l-istpar baqa’ ma ra l-ebda titjib jew investiment.