Internazzjonali

Mozambique: Massakrati mill-ġellieda ġiħadisti…

L-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż Afrikan qed jevalwaw is-sitwazzjoni wara li għexieren ta’ nies spiċċaw massakrati waqt offensiva minn mijiet ta’ militanti ġiħadisti fuq il-belt ta’ Palma, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Mozambique.

Il-militanti konċentraw l-attakki fuq barracks militari kif ukoll fuq numru ta’ ħwienet u banek —  b’numru ta’ nies jinqatlu waqt li kienu qed jippruvaw jaħarbu minn offensiva fuq lukanda.

Waqt is-sigħat tat-terrur, numru ta’ nies sabu diversi moħbiet u b’oħrajn jaħarbu lejn bajja – mimlija bl-irjus maqtugħin tal-vittmi – fejn kienu salvati bid-dgħajjes. Intant, wara l-attakk, kienu salvati mijiet ta’ residenti lokali u barranin minn Palma.

Għalkemm ma ngħatawx dettalji dwar il-militanti li wettqu l-attakk hu minnu li l-ġellieda b’rabtiet mal-moviment terroristiku ISIS qed jixprunaw il-konflitt f’reġjun iddominat mill-Musulmani. Il-ġlied li ilu mill-2017 f’dan il-pajjiż ħalla ‘il fuq minn 2,500 mejtin u mas-700,000 refuġjati.