Il-Korp tal-Pulizija qed jaħseb serjament sabiex jerġa’ jiftaħ l-investigazzjoni dwar il-karozza bomba li seħħett lura fl-2016 f’Buġibba, fejn fiha ġie assassinat in-negozjant John Camilleri, magħruf bħala Giovann tas-Sapun.
Il-qtil ta’ dan in-negozjant li kellu 67 sena kien seħħ fil-31 ta’ Ottubru kmieni filgħodu fejn allegatament il-Pulizija għandhom suspetti konkreti li r-raġel inqatel fuq ordni ta’ organizzazzjoni kriminali rigward xi pagamenti mhux mħallsa fuq proprjetà.
Minkejja li dak iż-żmien il-Pulizija kellhom xi ħjiel, l-investigaturi għal xi raġuni jew oħra ma kienux għamlu passi ‘il quddiem…. u konsegwenza t’hekk il-każ bħal donnu twarrab għal ftit tul dawn l-aħħar kważi 5 snin.
Madanakollu, il-ġurnal Times of Malta rrapporta li allegatament Vince Muscat il-Koħħu, ir-raġel li ammetta l-involviment tiegħu fl-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kif ukoll l-istess wieħed li ngħata Proklama skont il-parir mgħoti lill-President ta’ Malta mill-Kabinett ta’ Robert Abela, fuq bażi li jgħid il-verità kollha f’kull każ li kien involut fih, lest jiżvela dak kollu li jaf …anke fuq il-qtil ta’ Camilleri. Fejn jidher li l-assassinju kien ordnat u mħallas minn grupp kriminali involut fi traffikar ta’ drogi.
Muscat lest ukoll jixhed dwar kif ġie miġjub l-isplussiv li ħasad ħajjet in-negozjant u kif il-bomba ġiet mqiegħda taħt is-seat tax-xufier fil-vann ta’ Camilleri; splużjoni li seħħet ftit wara s-sebgħa ta’ filgħodu qalb bini residenzjali fi Triq il-Ġifen.
Madanakollu, sorsi qrib it-Times spjegaw li l-Koħħu allegatament għadu ma żvelax l-ismijiet tal-mandanti f’dan l-omiċidju. Bl-investigaturi qed jissuspettaw li l-mandanti m’huma ħadd ħlief l-aħwa tal-Maksar – Robert u Adrian Agius – l-istess aħwa li wieħed minnhom jinsab akkużat bl-involviment fil-Qtil ta’ Daphne Caruana Galizia flimkien ma Jamie Vella filwaqt li l-ieħor jinsab akkużat bl-assassinju tal-Avukat Carmel Chircop.
//= $special ?>