L-Ingilterra kisbu rebħa faċli kontra t-tim tal-Albanija bl-iskor ta’ 2-0. Il-gowls għall-Ingilterra waslu l-ewwel fit-38 minuta, meta minn pass ta’ Luke Shaw kien l-captain HARRY KANE li kkonkluda għal ġewwa għat-33 gowl internazzjonali tiegħu. L-Ingliżi skorjaw it-tieni gowl fit-63 minuta meta din id-darba minn pass ta’ Harry Kane, kien iż-żagħżugħ ta’ Chelsea MASON MOUNT li tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 2-0.
Iċ-champions mondjali attwali Franza, għelbu lil Kazakhstan bl-iskor ta’ 2-0. Franza marru fil-vantaġġ fl-20 minuta meta minn pass ta’ Anthony Martial, kien OUSMANE DEMBELE li kkonkluda għal ġewwa għal 1-0. Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Franza rdoppjaw, meta minn corner ta’ Antoine Griezmann, SERGIY MALYI tefa’ fil-lasta tiegħu stess għal 2-0. Franza setgħu skorjaw t-tielet gowl fil-75 miunta, meta ngħataw penalty għal foul fuq Kylian Mbappe. Madanakollu, l-istess Mbappe ra x-xutt tiegħu jkun salvat mill-gowlkiper Aleksandr Mokin.
Spanja kisbu rebħa drammatika fl-aħħar sekondi fuq il-Ġorġja bl-iskor ta’ 2-1. Kienu l-Ġorġja li marru fil-vantaġġ meta minn pass ta’ Otar Kiteishvili kien KHVICHA KVARATSKHELIA li kkonkluda għal ġewwa. Madanakollu Spanja irreaġixxew permezz ta’ FERRAN TORRES fuq pass ta’ Jordi Alba. Hekk kif kollox deher li l-partita se tintemm fi draw Spanja skorjaw il-gowl tar-rebħa permez ta’ DANIEL OLMO fuq pass ta’ Jordi Alba.
L-Italja kisbu rebħa mportanti ta’ 2-0 barra minn darhom kontra l-Bulgarija, biex b’hekk saħħew posthom fl-ewwel post ta’ Grupp Ċ. L-Italja marru fil-vantaġġ fit-43 minuta meta Daniel Dimov waqqa’ lil Andrea Belotti fil-kaxxa. Mill-ħdax-il metru nkariga ruħu l-istess ANDREA BELOTTI li ma żbaljax għal 1-0. L-Italja rdoppjaw fit-82 minuta meta minn pass ta’ Lorenzo Insigne kien iż-żagħżugħ MANUEL LOCATELLI li kkonkluda għal ġewwa għal skor finali ta’ 2-0.
Il-Ġermanja kisbu rebħa minima ta’ 1-0 barra minn darhom kontra r-Rumanija. Il-gowl uniku tal-partita wasal fis-sbatax-il minuta meta minn pass ta’ Kai Havertz, kien l-attakkant ta’ Bayern Munich SERGE GNABRY mill-viċin ma żbaljax għal skor finali ta’ 1-0.
Id-Danimarka kisbu rebħa kbira hekk kif għelbu lil Moldova bl-sikor ta’ 8-0. Id-Danimarka marru fil-vantaġġ fid-19-il minuta permezz ta’ penalty ta’ KASPER DOLBERG biex tliet minuti wara kien MIKKEL DAMSGAARD lir doppja għad-Daniżi. Seba’ minuti wara fid-29 minuta reġa’ kien l-istess MIKKEL DAMSGAARD li għamilhom tlieta għad-Danimarka fuq pass ta, Andreas Skov Olsen. Sal-35 mknuta id-Danimarka kienu 4-0 minn fuq hekk kif kien JENS STRYGER LARSEN li kkonkluda ġewwa fuq pass ta’ Nicolai Boilesen.
Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima id-Daniżi għamluwhom ħamsa meta kien MATHIAS JENSEN li tefa’ ġewwa. KASPER DOLBERG skorja it-tieni gowl personali u s-sitt wieħed fit-48 minuta biex ROBERT SKOV U MARCUS INGVARTSEN skorjaw is-seba’ u t-tmien gowl rispettivament fil-81 u 89 minuta għal skor finali ta’ 8-0 favur id-Danimarka.
Illum Grupp B; Ġorġja v Spanja 1-2, Kosovo v Żvezja 0-3 Grupp Ċ; Bulgarija v Italja 0-2, Żvizzera v Litwanja 1-0 Grupp D; Kazakhstan v Franza 0-2, Ukrajna v Fillandja 1-1 Grupp F; Danimarka v Moldova 8-0, Awstrija v Gżejjer Faroe 3-1, Iżrael v Skozja 1-1 Grupp I; Albanija v Ingilterra 0-2
Polonja v Andorra 3-0, San Marino v Ungerija 0-3 Grupp J; Armenja v Iżlanda 2-0, Macedonja v Liechtestein 5-0, Rumanija v Ġermanja 0-1