Internazzjonali

Stati Uniti: Jibda l-ġuri tal-pulizija akkużat bil-qtil ta’ George Floyd

Beda l-ġuri tal-eks-pulizija Amerikan li hu akkużat bil-qtil ta’ George Floyd, ir-raġel iswed li s-sena l-oħra tilef ħajtu waqt li kien qed jinżamm mill-uffiċjali tal-pulizija fil-belt ta’ Minneapolis.

L-akkużat – raġel abjad bl-isem Derek Chauvin – dakinar kien żamm lil Floyd mal-art waqt li beda jagħfas irkubbtejh ma’ għonq il-vittma, b’din ix-xena brutali tispiċċa rrekordjata min-nies li nzertaw fl-inħawi.

Il-persekuzzjoni ta’ Floyd kienet damet għal aktar minn disa’ minuti u fejn il-vittma nstama’ jgħid li ‘ma setax jieħu n-nifs’. Minbarra Chauvin ( li kien tkeċċa mill-korp) hemm tliet uffiċjali oħra tal-pulizija li jridu jkunu proċessati bil-liġi għall-istess każ. Derek Chauvin, li kapaċi jeħel sa 40 sena ħabs, qed jgħid li mhux ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

L-inċident f’Minneapolis kien qajjem sensiela ta’ protesti u dimostrazzjonijiet tal-massa kontra l-brutalità tal-pulizija u r-razziżmu u li damu għaddejjin għal ġimgħat fl-Istati Uniti u bnadi oħra tad-dinja.

Qabel il-ġuri, il-familja ta’ George Floyd issieħbet f’servizz ta’ talb f’Minneapolis. U f’kummenti lill-media, din il-familja qalet li ‘qed tistenna li ssir il-ġustizzja ma’ George’ u li ‘il-verdett ikun xieraq għall-persuni responabbli minn mewtu’