Lokali

Abela ma jikkundannax lil Joseph Muscat u Keith Schembri

Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab taħt pressjoni kbira wara l-iskandlu li feġġ fl-aħħar sigħat u li jorbot lill-Gvern Laburista mal-kumpanija Macbridge. B’allegazzjonijiet serjissimi ta’ rabtiet li kellhom Konrad Mizzi u Keith Schembri maċ-Ċiniżi li kienu xtraw parti mill-powerstation f’pajjiżna – deal ma’ Shanghai Electric li għadu fis-seħħ sal-ġurnata mal-lum.

Issa, Robert Abela qed jgħid li kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà dwar Macbridge u l-allegazzjonijiet li qed isiru u meta mistoqsi dwar dan u x’deċizzjoni se jieħu tenna mill-ġdid li hu kburi mill-Moviment Laburista u li qatt ma pproteġa lil Konrad Mizzi.

“Jien m’għandi xejn minn xiex nistħi anzi kburi li jien il-mexxej tal-PL u ta’ dan il-moviment”

“Kemm ili mexxej ta’ dan il-Partit, qatt ma proteġejt lil Konrad Mizzi”

Dan meta lkoll nafu li lil Konrad Mizzi żammu miegħu għal tal-anqas 6 xhur, u żammu miegħu fil-Grupp Parlamentari.

Mistoqsi minn Net News dwar jekk hux se jwaqqa’ dawn id-deals skandalużi huwa weġibna li m’għandniex nattakaw dawn id-deal.

Dwar jekk hux se jkeċċi lil Joseph Muscat mill-Partit Laburista, Robert Abela baqa’ ma wieġeb la għad-domanda tagħna u lanqas tal-kmamar l-oħra tal-aħbarjiet.

Intant, il-kumpanija Shanghai Electric kisret is-silenzju tagħha u insistiet li dejjem ħadmet b’onestà u tolleranza zero għall-korruzzjoni. Fi stqarrija, Shanghai Electric qalet li Chen Cheng mhuwiex, u qatt ma kien, impjegat tagħhom. U ma kinitx konxja minn xi attività allegatament illegali, kif kien irrappurtat.

It-Tnejn ġie żvelat illi s-sid tal-kumpanija Macbridge hi ċ-Ċiniża Tang Zhaomin; il-kunjata ta’ Cheng Chen li kien il-moħħ wara l-bejgħ tal-Enemalta lil Shanghai Electric u l-proġett tal-windfarms fil-Montenegro.

It-Times u r-Reuters ħabbru illi waslu biex identifikaw il-familja ta’ Cheng Chen wara investigazzjoni li damet għaddejja sena sħiħa.

Fil-perijodu meta saru dawn id-deals li fihom hemm imdaħħal Cheng Chen, Keith Schembri kien Chief of Staff f’Kastilja u Konrad Mizzi kien responsabbli mill-proġetti tal-enerġija.

Segwi hawn dak li ġara dalgħodu: