Internazzjonali

Brażil: Bolsonaro kostrett li jagħmel reshuffle taħt pressjoni

Il-President Jair Bolsonaro

Il-President Brażiljan Jair Bolsonaro ikkonferma li sar reshuffle fil-Kabinett tiegħu fejn qed jinbidlu talanqas sitt Ministri. Dan hu l-akbar reshuffle fil-Brażil mindu Bolsonaro – politiku radikali tal-lemin – kiseb il-poter sentejn ilu u meta l-bidliet jinvolvu anki l-Ministeri rispettivi għad-Difiża u l-Affarijiet Barranin.

Jair Bolsonaro spiċċa l-mira ta’ rabja minn ħafna Brażiljani fi żmien meta s-servizzi tas-saħħa tal-pajjiż jinsabu f’xifer ta’ kollass – u bil-Brażil qed jipprova jrażżan l-impatt qattiel ta’ tieni mewġa tal-coronavirus.

Bolsonaro qed ikun ikkritikat bil-kbir għal kif baqa’ jopponi l-miżuri ta’ kwarantina fost l-eqqel tal-pandemija. Il-President Brażiljan, fost oħrajn, qed jinsisti li l-ħsara għall-ekonomija mill-pandemija għandha tkun agħar mill-effetti għas-saħħa tal-Brażiljani – u minkejja li fil-Brażil mietu ‘il fuq minn 300,000 bil-Covid-19.

Intant, Ernesto Araujo – alleat politiku kbir ta’ Bolsonaro – warrab minn Ministru għall-Affarijiet Barranin wara li d-deputati Brażiljani kritikawh dwar politika li ‘għarrqet ir-reputazzjoni internazzjonali tal-Brażil’.

Araujo kien akkużat ‘dwar il-mod ħażin kif mexxa r-relazzjonijiet bilaterali maċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti’ u li hu responsabbli għal sitwazzjoni fejn il-Brażil mgħandhiex il-kwantitajiet suffiċjenti ta’ vaċċini kontra l-Covid-19.

Il-membri ġodda fil-Kabinett Brażiljan intant għandhom konnessjoni ma’ koalizzjoni ta’ partiti tal-lemin li jappoġġjaw lill-President Bolsonaro fil-Kungress.