L-Italja bdiet tlaqqam lin-nies kontra l-Covid-19 mill-ispiżeriji, b’dan il-programm qed jirranka l-aktar f’Genoa (fil-Liguria) li saret l-ewwel belt tal-pajjiż li beda jagħti d-dożi liċ-ċittadini.
Sadanittant, is-Sindku ta’ Genoa, Marco Bucci, sostna li dan it-tragward għandu jissimbolizza ‘pass kbir ‘il quddiem għall-Italja kollha’ fil-ġlieda kontra l-virus qattiel. Dan meta l-Italja, bħal daż-żmien sena, kienet spiċċat fil-morsa tal-ewwel fażi tal-pandemija, b’mijiet ta’ nies jispiċċaw imutu kuljum f’Bergamo u bliet prinċipali oħra tal-pajjiż.
Fil-preżent mat-52 spiżerija huma involuti f’din il-kampanja ta’ tilqim li mistennija tirranka (fl-Italja) fil-jiem li ġejjin.
Il-mira ġenerali hi biex l-ispiżeriji taz-zona partikulari jilħqu l-kapaċità biex ilaqqmu madwar 400 persuna kuljum — bin-nies eliġibbli għal din il-fażi jridu jkollhom bejn is-70 u d-79 sena. Madankollu, il-programm attwali jista’, għalissa, ma japplikax għal persuni kunsidrati bħala ‘partikularment vulnerabbli’.
Sadanittant it-tilqim mill-ispiżeriji fir-reġjun ta’ Liguria deher mill-bidunett li kien miexi tajjeb, u l-Gvernatur ta’ Liguria, Giovanni Toti, qal li filwaqt li l-problema tal-pandemija ‘mhix se tissolva illum’, il-kampanja mistennija twassal għal riżultati sodisfaċenti aktar ma jaslu l-vaċċini ġodda fil-pajjiż.
Fi żviluppi oħra, iċ-ċentru finanzjarju ta’ Londra – jew kif inhu magħruf is-City of London – qed jistenna r-ritorn tal-ħaddiema wara l-pandemija, bir-Renju Unit ikompli javviċina n-normalità fost is-suċċess assolut tal-programmi tat-tilqim tal-poplu.
Il-hub finanzarju ta’ Londra kien jixbaħ ċimiterju waqt dawn ix-xhur tal-coronavirus iżda Catherine McGuinness, amministratur mas- City of London Corporation, qalet lir-Radju tal-BBC li tinsab fiduċjuża li l-kummerċ jirranka mill-ġdid għall-kafeteriji, il-pubs, ir-ristoranti u stabbilimenti oħra tal-kapitali li fi żmenijiet normali jiddependu mill-kummerċ iġġenerat mill-eluf kbar tal-ħaddiema fl-uffiċini.
Iċ-ċentru finanzjarju ta’ Londra jiddomina s-suq tal-kambju globali u jiġġenera mas- $6.6 triljuni kuljum, Dan hu anki l-akbar ċentru internazzjonali għall-attivitajiet bankarji minbarra li hu wkoll it-tieni l-akbar fintech hub fid-dinja wara tal-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, McGuinness qalet li l-iżviluppaturi qegħdin jaħdmu b’mod intensiv fuq il-pjani għall-bini ġodda fis-City of London li jibqa’ il-bażi tal-‘ġganti’ fid-dinja tal-finanzi.
//= $special ?>