Il-bastimenti qegħdin jerġgħu jużaw ir-rotta fil-Kanal tas-Suez li fl-aħħar jiem spiċċat imblukkata mill-bastiment tal-kontejners ġgantesk ‘Ever Given’ li kien spiċċa inkaljat f’qiegħ il-kanal waqt il-maltemp.
L-aħħar żviluppi wara d-drama huma mill-aktar sinifikanti għaliex issa jista’ ikompli mingħajr xkiel it-trasport ta’ kunsinni kruċjali lejn id-diversi zoni tad-dinja.
Fl-aħħar sigħat, talanqas 40 bastiment li kienu ilhom wieqfa l-jiem f’dik iz-zona ta’ baħar setgħu jgħaddu mill-waterway ladarba l-‘Ever Given’ inqala’ mill-inħawi fejn kien dam jagħlaq l-aċċess għall-vapuri għal kważi ġimgħa.
Intant, it-traffiku ġenerali li qed jinvolvi l-għexieren tal-vapuri oħrajn – u li kienu ilhom weqfin għal mill-anqas tlett ijiem — mistenni jirranka minn dik ir-rotta fis-sigħat li jmiss.
Il-bastiment ‘Ever Given’ – li għandu tul ta’ 400 metru u li kapaċi jżomm kunsinna ‘straordinarja ta’ kontejners’ – irid jgħaddi mill-ispezzjoni tal-esperti qabel jista’ ikompli bil-vjaġġ.
L-istess bastiment kien inqala’ mill-qigħ tal-kanal nhar it-Tnejn wara ħidma intensiva mill-iskwadri li jispeċjalizzaw fi proċessi għal hekk-imsejħa ‘refloating’ u li huma applikati għall-vapuri li jinkaljaw f’qiegħ ta’ baħar. Il-ħidma involviet flotilla ta’ tug boats u dredgers li qalgħu mat-30,000 metri kubi ta’ tajn u ramel miz-zona fejn kien weħel l-‘Ever Given’.
Madwar 12 fil-mija tal-kummerċ globali jgħaddi mill-Kanal ta’ Suez li jservi bħala ‘konessjoni’ bejn il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Aħmar – minbarra li jipprovdi wkoll l-iqsar rotta ta’ baħar bejn l-Asja u l-Ewropa.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Awtorità tal-Kanal ta’ Duez, Osama Rabie, iddikjara li l-istess awtorità qed tistinka bil-għan li jonqos mill-aktar fis ‘is-serbut tal-bastimenti’ li kien inġabar f’dik iz-zona tas-Suez, fl-aħħar jiem.
Il-managers tekniċi tal-Ever Given – Bernhard Schulte Shipmanagement (BSM) – qalu, sadanittant, li l-inċident bil-bastiment tal-kontejners ma jidhirx li rriżulta fi tniġġiż tal-baħar u meta ‘baqgħet intatta’ il-kunsinna ta’ fuqu.
//= $special ?>