Internazzjonali

Il-Parlament ta’ Hong Kong se jkun limitat biss ‘għall-patrijotti’

Iċ-Ċina kkonfermat bidliet kbar fir-regoli elettorali għal Hong Kong u li għandhom jissikkaw il-kontroll tal-Gvern komunista Ċiniż fuq l-eks kolonja Britannika, li sa ftit ilu kienet qed tgawdi livell ta’ awtonomija minn Beijing.

B’dawn il-bidliet, naqsu kważi bin-nofs id-deputati għall-assemblea ta’ Hong Kong li jkunu eletti direttament mill-poplu. Id-deputati prospettivi għal dan il-Parlament, issa, iridu l-ewwel jgħaddu mill-iskrutinju ta’ kumitat li jappoġġja lill-Gvern Ċiniż u li jrid jikkonferma l-lealtà ta’ dawn il-kandidati għaċ-Ċina.

Il-ħsieb wara r-riformi hu biex iċ-Ċina taċċerta li l-personalitajiet  ‘patrijottiċi’ biss jikkuntestaw għall-karigi ta’ poter f’Hong Kong.Dan waqt li l-kritiċi tal-politika ta’ Beijing wissew li l-bidliet għandhom ifissru t-tmiem assolut tad-demokrazija f’Hong Kong – u meta hemm possibbiltà kbira li l-Oppożizzjoni ‘tisparixxi’ mit-territorju li kien spiċċa minn kolonja tar-Renju Unit fl-1997.

Madankollu, il-Mexxejja ta’ Hong Kong, Carrie Lam, qalet li l-kumitat inkwistjoni mhux se jagħmel screening tal-kandidati skont il-fehmiet politiċi tagħhom iżda se jevalwa ‘min tassew hu patrijott u min mhux’.

Il-Parlament ta’ Beijing kien approva għall-ewwel darba l-pjan għall-bidliet fir-regoli elettorali ta’ Hong Kong waqt il-laqgħat tal-Kungress tal-Poplu Nazzjonali aktar kmieni fix-xahar. L-ewwel vot li se jkun irregolat mill-bidliet jinvolvi l-elezzjoni tal-membri għall-Kunsill Leġislattiv ta’ Hong Kong li se jsir f’Diċembru.