Illejla saru magħrufa l-ewwel erba’ timijiet li kwalifikaw għall-kwartifinali hekk kif minn Grupp B kwalifikaw Spanja u l-Italja biż-żewġ timijiet itemmu fl-ewwel żewġ postijiet rispettivament. Fl-aħħar partita tal-grupp l-Italja kisbu rebħa deċiżiva fil-kwalifikazzjoni hekk kif għelbu lis-Slovenja 4-0. Il-gowls tal-Italja kienu skorjati minn Guilio Maggiore wara 10 minuti, Giacomo Raspadori wara 19-il minuta u penalty ta’ Patrick Cutrone fil-25 minuta u fil-50 minuta.
Minn Grupp A kwalifikaw l-Olanda u l-Ġermanja li temmew fl-ewwel u fit-tieni post rispettivament, bir-Rumanija jtemmu wkoll b’ħames punti daqs il-Ġermanja u l-Olanda iżda jsofru iżjed gowl mill-avversarji. Fl-aħħar partita, l-Ġermanja u r-Rumanija temmew fi draw ta’ mingħajr gowls filwaqt li l-Olanda għelbu lill-Ungerija 6-1. Il-gowls tal-Olanda kienu skorjati minn Dani de Wit, Myron Boadu, Cody Gakpo darbtejn, Sven Botman u Brian Brobbey filwaqt li Bendeguz Bolla skorja għall-Ungeriżi.
//= $special ?>