Lokali

Karol Aquilina jirriżenja minn Kelliem tal-PN – “irrid inkun ta eżempju”

Id-deputat Karol Aquilina ftit tal-ħin ilu ħabbar illi ġie notifikat mill-Pulizija li se jittieħdu passi fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ dak li seħħ f’Ġunju ta’ sentejn ilu meta kien fi triqtu għall-Parlament – filmat li kien ixxandar mill-media Laburista għal ġranet sħaħ biex jipprovaw jieħdu vantaġġ politiku.

Aquilina ddikjara li “bl-ebda mod ma jiena ħati tal-akkużi li se jinġiebu kontrija, u li se nkun qed niġġieled għall-innoċenza tiegħi fil-Qorti. B’danakollu, m’għandix dubju li se jkun hemm min jipprova juża dawn l-akkużi għall-gwadann politiku u biex jiddevja l-attenzjoni tal-poplu mill-iskandli oxxeni tal-Gvern Laburista.”

Karol Aquilina kiteb lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u infurmah li qed jirreżenja b’mod immedjat mir-rwoli tiegħu ta’ Kelliem għall-Ġustizzja u r-Riformi Elettorali u minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari.

“Infakkar li meta l-Ministru Owen Bonnici tressaq il-Qorti b’akkużi relatati mas-sewqan, huwa baqa’ jżomm postu bħala Ministru tal-Ġustizzja. Aħna tal-Partit Nazzjonalista nemmnu u nipprattikaw standards ferm ogħla minn tal-Partit Laburista”, stqarr Aquilina.

Id-deputat Nazzjonalista kien ċar ħafna fi kliemu: “Irrid li din ir-riżenja sservi ta’ eżempju u ta’ xhieda li aħna l-istandards mhux biss nitkellmu dwarhom, imma ngħixuhom u nipprattikawhom.”

Stqarrija mill-Kap tal-PN Bernard Grech

Permezz ta’ stqarrija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li rċieva u aċċetta r-riżenja tal-Onor. Karol Aquilina minn Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja u r-Riformi Elettorali u minn Segretarju tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Dan sabiex ikun jista’ jiddefendi l-każ tiegħu fil-Qorti bl-aktar mod ħieles u mingħajr ir-riskju li dan il-każ jiġi strumentalizzat għal skopijiet politiċi.

Bernard Grech qal li dawn huma l-istandards li jemmen fihom u jipprattika l-Partit Nazzjonalista. Dan kuntrarju għal kif qiegħed iġib ruħu l-Prim Ministru Robert Abela f’każ ħafna aktar serju fil-konfront tal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fuq kuntratt ta’ konsulenza ta’ €5,000 fix-xahar ibbażat biss fuq ħbiberija u mhux fuq esperjenza, ħila jew kwalifiki.

Għalhekk il-każ ta’ Justyne Caruana ma jistax jingħalaq sempliċement għax il-Prim Ministru ammetta li sar żball u ġiegħlha tittermina il-kuntratt. Pajjiżna għandu bżonn politiċi maturi u onesti, u għalhekk irid paġna ġdida li nistgħu ndawruha lkoll flimkien.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qieghed jappunta lil Onor. Joe Ellis bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja u r-Riformi Elettorali u lill-Onor. Robert Cutajar bħala Segretarju tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.