Lokali Qorti

Kundannat 30 xahar ħabs wara li seraq flus, li l-Imam kien iżomm għal ħaddieħor

Eks militanti Libjan li kemm il-darba kiser difrejh mal-ġustizzja intbagħat 30 xahar ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li fl-1 ta’ Awwissu li għadda seraq aktar minn €2,330 lil Imam Mohamed Saad Ibrahim Abuwisa mir-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar.

Munir Mohammed Ali Gammudi ta’ 40 sena, li fl-irvellijiet tal-Libja kien militanti favur Gaddafi, ammetta l-akkuża fuq serq ta’ flus li l-Imam kien iżomm għal persuni oħra, xi ħaġa li hija permessibbli fir-rit Musulman peress li l-Imam huwa meqjus bħala persuna ta’ fiduċja kbira.

Huwa ammetta li kien wettaq din is-serqa għal-ħabta tas-6.30pm u dan għad-dannu ta’ diversi persuni. Ali Gammudi li għamel żmien jgħix San Pawl il-Baħar iżda kien jgħix f’diversi residenzi oħra ammetta wkoll li fil-21 ta’ Lulju li għadda bejn it-8.00am. u 12.00pm minn blokka ta’ appartament fiż-Żebbuġ, Għawdex wettaq serqa ta’ diversi oġġetti, li jinkludu laptops u li wkoll huma ta’ valur konsiderevoli għad-dannu ta’ tfajla.

Ir-raġel minn Tripli kien instab ħati wkoll li rrenda ruħu reċidiv fuq diversi każijiet oħra fil-passat. Fil-fatt huwa kien instab ħati wkoll ta’ serq f’Paceville fi Frar tal-2018, għad-dannu tal-kantanta Mikaela Attard u l-ħabiba tagħha Monica Agius.

Huwa kien kkundannat tliet snin ħabs dwar dan fejn kien instab ħati wkoll li assalta lit-tfajliet. Is-sentenza ta’ tliet snin kienet imnaqqsa għal 18-il xahar minħabba li l-prosekuzzjoni kienet naqset tipprova l-valur tal-oġġeti misruq minn wieħed mill-handbags tat-tfajliet.

Oriġinarjament ir-raġel kien ġie mixli fuq attentat ta’ qtil, liema akkuża kienet ġiet irtirata waqt il-proċeduri mill-prosekuzzjoni. Fuq il-każ tas-serq lil Imam u s-serqa f’Għawdex il-Qorti qalet li għal finijiet ta’ piena kkunsidrat li mill-fedina penali tal-imputat mhix wahda netta.

Il-Qorti qalet ukoll li kkunsidrat ukoll li l-imputat għandu problemi ta’ abbuż ta’ droga, l-ammissjoni bikrija u li huwa riċediv. Huwa ġie ordnat ukoll li jħallas is-somma ta’ €3,707.21 fi spejjeż tal-Qorti u li fin-nuqqas li jagħmel dan, dawn jiġu konvertit fi priġunerija skond ir-rati applikabbli fit-termini tal-liġi.Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Shawn Pawney. Għal ħati deher l-Avukat Christopher Chircop.