L-aġir ta’ allegat korruzzjoni, frodi, ħasil ta’ flus u kick-backs minn Keith Schembri u sħabu, fosthom Adrian Hillman, Brian Tonna, Karl Cini, Lorraine Falzon u Matthew Pace jista’ jfisser b’mod potenzjali li numru ta’ ħaddiema tal-kumpanija Zenith li jitilfu l-impieg tagħhom.
Teżisti wkoll inċertezza fost il-ħaddiema ta’ Allied Newspapers, wara li f’dawn l-aħħar xhur bdew jittieħdu miżuri minħabba l-kaos li nħoloq fuq il-finanzi ta’ waħda mill-aktar kumpaniji rinomati fil-media f’Malta.
Kien hemm tnaqqis konsiderevoli ta’ ħaddiema part-timers ma’ din il-kumpanija tal-media u anke bidliet fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, l-aktar fejn jidħlu ‘allowances’, grazzi għal irresponsabilità ta’ dawk li qed imexxu u persuni oħra nvoluti fil-politika.
“Net News” għandu nformazzjoni li għaddejjin diskussjonijiet biex numru ta’ ħaddiema ta’ Zenith Group, jekk mhux ukoll kollha jispiċċaw bla impieg. Il-kwistjoni tar-reputazzjoni kerha li ħarġet fil-Qorti f’dawn l-aħħar ġimgħat kompliet tgħarraq is-sitwazzjoni.
Barra minn hekk ħafna Maltin li nvestew ma’ Zenith Group jinsabu nkwetati li l-investimenti tagħhom jistgħu jispiċċaw fix-xejn. Daqqa oħra kbira li qalgħet Zenith seħħet wara li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) imponiet restrizzjonijiet varji fuq l-operat tal-kumpanija, li fil-passat kienet MFSP, u dan ftit sigħat wara li żewġ Diretturi tal-kumpanija – Matthew Pace u Lorraine Falzon – ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara akkużi ta’ ħasil ta’ flus.
Minn naħa tal-kumpanija Progress Press li fost oħrajn tippubblika l-gażżetta nfluwenti Times of Malta u The Sunday Times of Malta, għal dawn l-aħħar snin ħadet passi biex tnaqqas minn fuq il-payroll tagħha.
Persuni li jaħdmu ma’ din il-kumpanija qalulna li l-pagi offruti mit-Times mhumiex li kienu qabel u li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet tagħat daqqa lill-kumpanija fejn kien hemm minn tnaqqsulu xi allowances.
Dan kollu skont minħabba l-mod kif tberbqu l-miljuni biex igawdu nies bħal Keith Schembri u l-eks Direttur tal-kumpanija Adrian Hillman.
Minn dan it-taħwid kollu Progress Press spiċċat tħallas $6.5 miljun żejda għal magni tal-istampar bil-flus jinqasmu bejn Keith Schembri, Malcolm Scerri u d-diretturi tal-Grupp Allied Adrian Hillman u Vince Buhagiar.
Ix-xhieda tal-Qorti mogħtija mill-Ispettur Joseph Xerri mit-taqsima tal-pulizija kontra l-ħasil tal-flus qalet li kien hemmt xibka kumplessa ta’ pagamenti magħmula permezz ta’ kumpaniji ‘offshore’ li permezz tagħha l-erba ’rġiel ibbenefikaw mill-profitt għad-detriment tal-kumpanija.
Fil-konfront tal-kumpanija Zenith l-affarijiet jidhru ferm aktar inkwetanti. Fil-fatt teżisti biża fost il-ħaddiema li dawn jinsabu f’xifer li jitilfu l-impieg tagħhom. “Integrità, hekk kif ngħidu l-verità lill-klijenti tagħna. Afidattabilità, hekk kif inħaddnu l-bidla”.
“In-nies tagħna huma l-iktar valur tagħna. L-għoti tas-setgħa, billi nafdaw id-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tan-nies tagħna biex iservu lill-klijenti tagħna, u b’hekk niġġeneraw valur fit-tul.
“Nemmnu wkoll li nagħtu lura lill-komunità tagħna bħala tim. Għalhekk bħala parti mill-Programm ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tagħna, l-attivitajiet tagħna ta’ team building kollha jduru madwar inizjattivi eko.
“Affidabilità, reqqa u kompetenza – dan huwa dak li jistgħu jistennew il-klijenti minn Zenith Quality Services Limited. Aħna kburin ħafna fl-istaff professjonali u mħarreġ sew tagħna li huma ffokati ħafna fuq is-servizz u l-appoġġ tal-konsumatur”.
Dawn kienu fost is-slogans tal-kumpanija, li kienet fuq quddiem fil-ġeneru tagħha ta’ xogħol marbut ma’ investiment. Reputazzjoni li issa ħadet daqqa tremenda kawża tal-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Zenith Finance hija ditta ta’ konsulenza finanzjarja, li tiffoka fuq investimenti tradizzjonali, kemm fis-swieq lokali kif ukoll internazzjonali.
Lorraine Falzon u Matthew Pace, Diretturi ta’ MFST, illum Zenith jinsabu mixlijin ukoll b’ħasil ta’ flus u korruzzjoni. Pace kien ukoll il-peruna inkarigat li jagħti pariri finanzjarji.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ li fih hemm 11-il akkużat qalet li dan ix-xahar ġew assenjati fuq l-Operazzjoni MH wara li intemmet l-Inkjesta li kien fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Ingħad fil-Qorti li l-fondi li bdew jidħlu fil-kumpanija MFST kienu qed jiġi investiti. Kien hemm tliet kumpaniji involuti. Deher li huma rċevew fondi. Ħareġ li Matthew Pace tqies bħala ‘Professional Money-Launderer.’ Dan filwaqt li ħadem ma’ Brian Tonna fil-manifattura ta’ dokumenti. Numru ta’ dokumenti saħahsittra ġew immanifatturati xahrejn wara li tkun saret it-tranżazzjoni.
Pace u Falzon qalu li ma kienu jaraw xejn ħażin fl-ittri li kienu jibgħatu lesti lil Brian Tonna għaliex hu kien jiffirma kollox bħala awditur filwaqt li anke jniżżel l-isem ta’ Nexia BT.
Ingħad ukoll li fl-2018 Lorraine Falzon kienet tat xhieda tagħha fejn deher li Keith Schembri fetaħ kont fl-MFSP fl-2010. Wara, Schembri fetaħ il-kont tiegħu Adrian Hillman. Keith Schembri mill-kumpanija tiegħu Malmos u Olson, kellhom ukoll kont ma’ MFSP. Kif l-istess kellu Vincent Buhagiar.
Il-Maġistrat fl-inkjesta kienet ikkonkludiet li Matthew Pace u Lorraine Falzon kellhom biżżejjed reati biex joħorġu akkużi kontrihom fuq falsifikazzjoni u ħasil ta’ flus fost l-oħrajn. Matthew Pace ma kien qed jara xejn ħażin bejn Keith Schembri u Adrian Hillman.
Kien Brian Tonna li rrefera lil Schembri bħala klijent ta’ MFST u sussegwentament Schembri għamel l-istess mal-persuni l-oħrajn. Tajjeb li wieħed jirrimarka li l-kumpanija MFSP illum għandha l-isem ta’ Zenith. Matthew Pace kien viċin il-ftuħ tal-kontijiet ma’ MFSP ta’ Adrian Hillman u Keith Schembri. Apparti Direttur ta’ Zenith, Lorraine Falzon kienet tieħu ħsieb il-compliance tal-kumpanija.