Il-Pandemija tal-COVID-19, fl-aħħar 24 siegħa kienet il-kaġun ta’ żewġ imwiet oħra biex issa l-fatalitajiet tal-Coronavirus f’Malta u f’Għawdex telgħu għal 390. Dan meta tilfu ħajjithom raġel ta’ 78 sena u mara ta’ 83 sena fl-Isptar Mater Dei.
Turija ċara li pajjiżna qed iġoss ir-riperkussjonijiet tal-ammonti xokkanti ta’ każi li rajna f’Jannar, Frar u l-bidu ta’ Marzu.
Fuq nota aktar pożittiva, fl-aħħar sigħat pajjiżna reġa’ rreġistra tnaqqis fil-każi ġodda ta’ COVID-19 hekk kif minn 2,086 swab test, il-każi ġodda ammontaw għal 55.
Dan filwaqt li fiequ 286 persuna biex il-każi attivi issa jammontaw għal 899.
Tul din il-Pandemija, pajjiżna ra total ta’ 28,993 każ li minnhom fiequ 27,704. Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar sigħat madwar 1,000 persuna żdiedu mal-amont ta’ persuni li issa huma mlaqqma b’mod sħiħ għall-kontra l-virus. Dan filwaqt li fl-aħħar 24 siegħa madwar 4,000 persuna ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin.