Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab taħt pressjoni kbira wara l-skandlu li feġġ fl-aħħar 24 siegħa u li jorbot lill-Gvern mal-kumpanija Macbridge. B’allegazzjonijiet serjissimi ta’ rabtiet li kellhom Konrad Mizzi u Keith Schembri maċ-Ċiniżi li kienu xtraw parti mill-powerstation f’pajjiżna.
Issa, Robert Abela qed jgħid li kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà dwar Macbridge u l-allegazzjonijiet li qed isiru. Għalkemm minn naħa tal-Pulizija, skiet totali.
Mhux magħruf lanqas għaliex donnu kien hemm il-ħtieġa li toħroġ il-go-ahead minn Kastilja qabel tiskatta investigazzjoni dwar dawn l-iżviluppi serjissimi li ġew ippubblikati lbieraħ mit-Times u mill-aġenzija internazzjonali Reuters.

Intant, anke l-kumpanija Shanghai Electric kisret is-silenzju tagħha u insistiet li dejjem ħadmet b’onestà u tolleranza zero għall-korruzzjoni.
Shanghai Electric qalet li Chen Cheng mhuwiex, u qatt ma kien, impjegat tagħhom. U ma kinitx konxja minn, jew parti minn, xi attività allegatament illegali kif kien irrappurtat.
Ilbieraħ ġie żvelat illi s-sid tal-kumpanija Macbridge hi ċ-Ċiniża Tang Zhaomin; il-kunjata ta’ Cheng Chen li kien il-moħħ wara l-bejgħ tal-Enemalta lil Shanghai Electric u l-proġett tal-windfarms fil-Montenegro.
It-Times u r-Reuters ħabbru illi waslu biex identifikaw il-familja ta’ Cheng Chen wara investigazzjoni li damet għaddejja sena sħiħa.
Fil-perijodu meta saru dawn id-deals li fihom hemm imdaħħal Cheng Chen, Keith Schembri kien Chief of Staff f’Kastilja u Konrad Mizzi kien responsabbli mill-proġetti tal-enerġija.
L-investigazzjoni żvelat li b’mod parallel mat-twaqqif ta’ Macbridge, kienet twaqqfet ukoll il-kumpanija Dow’s Media li fiha għaddew flus minn 17 Black ta’ Yorgen Fenech.
