Futbol Sport

Modric u Perisic meħtieġa f’rebħa fl-aħħar nofsiegħa għall-Kroazja fuq Malta

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

KROAZJA…………………………3

MALTA……………………………..0

Kroazja: D. Livakovic, J. Juranovic, D. Vida, D. Caleta-Car, D. Melnjak (B. Barisic 56′), M. Kovacic, M. Badelj (L. Modric 55′), M. Pasalic (J. Brekalo 55′), N. Vlasic, M. Orsic (K. Lovric 78′), A. Budimir (I. Perisic 55′)

Malta: H. Bonello, K. Shaw, E. Pepe, S. Borg (Z. Muscat 66′), J. Mbong (J. Corbalan 66′), M. Guillaumeir, B. Kristensen (L. Gambin 81′), R. Camenzuli, T. Teuma, A. Satariano (K. Nwoko 46′), S. Pisani (J. Grech 62′)

Referee: L. Tschudi

Assistenti referees: S. Josipovic, M. Sbrissa

F’partita valida minn Grupp H mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022, Malta sofriet telfa ta’ 3-0 kontra l-Kroazja f’partita fejn it-tim Malti rnexxielu jikkontrolla l-avversarji għal aktar minn 60 minuta.

Il-player Malti Alexander Satariano ssikkat mill-player Kroat Mateo Kovacic (Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Mill-partita ta’ tliet t’ijiem qabel kontra s-Slovakkja, kowċ Devis Mangia wettaq żewġ bidliet fil-formazzjoni tal-ewwel ħdax. F’nofs il-grawnd reġa’ irritorna l-captain ta’ Hibernians, Bjorn Kristensen, b’Teddy Teuma jerġa’ ikun mogħti rwol aktar offensiv, kif kellu fl-ewwel partita tal-grupp kontra r-Russja. B’sistema tattika ta’ 3-4-2-1, flimkien ma’ Teuma, kien hemm Steve Pisani ta’ Gżira United; it-tnejn jassistu lill-attakkant Alex Satariano. Pisani kien wieħed miż-żewġ bidliet ta’ Mangia, u ħa post iż-żagħżugħ Paul Mbong.

Minn naħa l-oħra l-kowċ Kroat għażel li jserraħ xi players regolari fosthom Luka Modric, Ivan Perisic u Marcelo Borzovic fejn lagħbu ż-żewġ partiti preċidenti bil-kowċ Kroat Zlatko Dalic jgħid li se jutilizza lil dawn il-players jekk ikun hemm bżonn.

L-ewwel azzjoni perikoluża wasslet mit-tim tal-Kroazja wara żewġ minuti meta minn pass fit-tul, l-konklużjoni ta’ Nikolas Vlasic għaddiet ftit barra. Minkejja li l-Kroati ddominaw il-pusses fl-ewwel ħinijiet tal-partita, t-tim Malti għaraf jagħlaq l-ispazji b’mod tajjeb, fejn minkejja li s-sistema tattika fil-bidu kienet ta’ 3-4-2-1, xħin bdejna niddfendu, iż-żewġ players ta’ nofs il-ground, jiġifieri Guillaumier u Kristensen, kif ukoll mgħejjuna minn Teuma u Pisani bdew jippożizzjonaw rwieħhom fil-ground f’forma ta’ ‘diamond’ li għamlitha aktar diffiċli għat-tim Kroat li jersaq qrib id-difiża Maltija.

It-tim Malti impenja għall-ewwel darba lill-gowlkiper Kroat wara għaxar minuti meta minn kontrattakk veloċi, l-konklużjoni ta’ Joseph Mbong kienet salvata minn Livakovic. Il-Kroazja resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor fit-13-il minuta meta minn cross minn fuq il-lemin, id-daqqa ta’ ras ta’ Mario Pasalic niżlet fuq il-mimduda bid-difiża Maltija teħlisa ħafif.

Fit-18 -il minuta, azzjoni ċara ta’ penalty għat-tim Malti bir-referre tal-partita jiddeċiedi li jħalli l-logħob għaddej. Kien Steve Pisani li daħal tajjeb fil-kaxxa fejn fit-tentattiv li jqabbeż il-ballun minn fuq id-difensur Kroat, dan tal-aħħar deher imiss il-ballun b’idu iżda r-referee jinjorja għal kollox il-protesti tal-players Maltin.

Aktar kemm għadda il-ħin it-tim Malti beda jidħol aktar fil-partita u jżid il-kunfidenza, fejn anke rnexxielu jżid il-pusses tal-ballun minkejja li ftit li xejn kien perikoluż lejn il-lasti avversarji. Minkejja dan it-tim imexxi minn Devis Mangia xorta baqa’ jikkontrolla lill-avversarji bi pressing b’saħħtu f’nofs il-ground. Il-Kroazja għal darb’oħra kienu perikolużi fil-31 minuta meta wara li daħal tajjeb fil-kaxxa, l-cross fil-baxx ta’ Pasalic baqa’ għaddej minn quddiem il-lasti ta’ Bonello, fejn fortunatment għat-tim Malti, l-ebda player mit-tim avversarju ma rnexxielu jinterċetta l-ballun.

L-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls fejn minkejja s-superjorità tat-tim Kroat, it-tim Malti rnexxielu jikkontrolla l-avversarji bi ftit azzjonijiet perikolużi, bl-aktar mument kontroversjali jkun dak fit-18-il minuta meta t-tim Malti kellu penalty ċar li ma ngħatax mir-referee Lionel Tschudi tal-federazzjoni Żvizzera.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, il-kowċ Malti Devis Mangia għażel li jibdel lil Alexander Stariano ta’ SLiema Wanderers biex minfloku daħal l-attakkant ta’ Valletta Kyrian Nwoko, f’tentattiv biex jisfrutta l-istatura ta’ Nwoko li seta’ jżomm aktar blalen ġejjin mill-għoli.

Joseph Mbong bl-ewwel tentattiv tat-tim Malti lejn il-lasta Kroata (Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Il-Kroati komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima u mal-ewwel ħolqu l-ewwel periklu lejn il-lasti ta’ Bonello, meta minn cross fil-baxx l-konklużjoni ta’ Vlasic kien salvata mill-gowlkiper Malti b’mod faċli. Henry Bonello kien għal darb’oħra determinanti fil-50 minuta meta minn il-pass fit-tul ta’ Pasalic, ħoloq xi ftit ta’ inċertezza fid-difiża Maltija, bil-ballun jasal f’saqajn Orsic li prova jqabbeż minn fuq Bonello li kien attent u salva f’żewġ tentattivi.

Bit-tim Malti jibqa’ resiljenti, il-kowċ Dalic fil-55 minuta, kien kostrett li jdaħħal lil Luka Modric, Ivan Perisic u Josip Brekalo f’tentattiv li jagħmlu d-differenza fit-tim Kroat. Bl-iskor jibqa’ 0-0 sas-60 minuta, it-tim Malti kompla jżid il-kunfidenza fejn beda jżomm aktar il-ballun u f’mumenti ta’ pressjoni jixħet fit-tul fuq l-attakkant Nwoko.

Is-sostituzzjonijiet ta’ Zlatic Dalko ħallew impatt b’mod immedjat hekk kif fit-62 minuta minn cross minn fuq ix-xellug ta’ Barisic, kien l-attakkant ta’ Bayern Munich IVAN PERISIC li mill-viċn xeħet ġewwa għal 1-0. Il-kowċ Devis Mangia rreaġixxa u wettaq sostituzzjoni immedjata fejn minflok Steve Pisani daħal Jake Grech. Il-Kroazja resqu viċin li jirduppjaw ftit sekondi wara meta l-konklużjoni ta’ Vlasic minn pożizzjoni tajba għaddiet ftit barra.

L-għeja fiżika u psikoloġika fuq il-players Maltin dehret fit-tieni taqsima, bil-kowċ Devis Mangia jkun kostrett li fis-66 minut jibdel lil Steve Borg u lil Joseph Mbong, biex minflokhom daħlu Zach Muscat u Juan Corbalan.

Il-Kroazja ngħataw penalty fil-75 minuta fejn minn corner ta’ Orsic, Kurt Shaw deher imiss il-ballun b’idu bir-referee kuntrarju għal dak fl-ewwel taqsima meta t-tim Malti kellu penalty ċar, ordna penalty immedjatament, biex minn 11-il metru l-midfielder ta’ Real Madrid LUKA MODRIC għamilhom 2-0 biex b’hekk aċċeta minn rebħa diffiċli għat-tim Kroat. Lejn it-tmiem il-Kroazja għamluhom 3-0 meta minn cross fil-baxx ta’ Perisic kien is-sostitut JOSIP BREKALO li kkonkluda mill-viċin.

Il-prestazzjoni tat-tim Malti kienet oħra pożittiva fejn irnexxielu jikkontrolla l-avversarji sat-62 minuta, bil-kowċ Kroat ikun kostrett jdaħħal players li serraħ fil-bidu tal-partita u t-tim Malti jkun imċaħħad minn penalty ċar li seta’ bide l-andament tal-partita. Minkejja li ma kinitx l-istess prestazzjoni b’intensità bħal f’dik fil-partiti kontra r-Russja u l-Islovakkja wieħed irid iqis ukoll li l-avversarji kienu wkoll differenti bit-tim Kroat ikun l-aktar tim b’ranking ogħli fil-grupp.