Lokali

Proġett Montenegro: “Ġib il-flus lura u investi f’pajjiżna”– PN

Il-Partit Nazzjonalista kompla bl-appell tiegħu biex il-flus li nsterqu mill-poplu Malti u Għawdxi jintroddu lura, u biex l-investiment fil-qasam tal-enerġija jsir f'pajjiżna

L-avvenimenti żvelati fl-aħħar sigħat jikkonfermaw kemm pajjiżna jeħtieġ jibda paġna ġdida. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru għandu r-responsabbiltà jara li ssir ġustizzja u li tkun magħrufa l-verità kollha, dan apparti li għandha wkoll tintrefa’ r-responsabbiltà mill-aktar fis.

Dan kien wieħed mill-messaġġi li għaddew id-Deputati Nazzjonalista Therese Comodini Cachia u Ryan Callus tul konferenza tal-aħbajiet li ttellat it-Tlieta wara l-aħħar żviluppi dwar informazzjoni ġdida li ħarġet it-Tnejn dwar is-sidien tal-kumpanija Macbridge.

Therese Comodini Cachia elenkat fuq kif Robert Abela għandu b’mod immedjat jibda l-proċess għal investigazzjoni f’dan il-każ ukoll u jgħid x’passi ħa u x’se jkompli jieħu biex toħroġ il-verità kollha dwar l-iskandlu tal-investiment fil-Montenegro.

Hija appellat biex il-flus li nsterqu mill-poplu Malti, jintroddu lura u jkunu investiti f’pajjiżna.

“Il-poplu Malti nsteraq minn ħafna flus, minn ammonti kbar li jammontaw għal miljuni ta’ ewro”

Id-Deputat Nazzjonalista appellat mill-ġdid biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika.

“Ma nistgħux ma nitolbux li tintrefa’ r-responsabbiltà politika. Kull wieħed li jien tajt indikazzjoni li kien hemm involut Cheng Chen ingħatat l-apporovazzjoni tal-Kabinett”

Ryan Callus min-naħa tiegħu qal li Robert Abela għandu responsabbiltà politika xi jġorr. Għandu b’mod immedjat jibda l-proċess biex il-pajjiż jinħall mir-rabtiet li għandu mal-kumpanija Electrogas.

“Robert Abela għandek tibda l-proċeduri biex jinħall dan il-kuntratt, dik ir-responsabbiltà politika li trid terfa’”

Id-deputat Nazzjonalista appella sabiex verament isir investiment f’Malta fil-qasam tal-enerġija.

“Ġibu l-flus tagħna lura u investu l-istess 10 miljuni li tajtu f’Montenegro, f’Malta, f’pajjiżna. Investu f’pajjiżna proġett tal-irdieden tar-riħ li kien propona l-PN.”

Il-kelliema tal-PN qalu illi bl-aħħar żviluppi qed joħroġ aktar ċar illi jekk Robert Abela jibqa’ ċass quddiem dan kollu hu se jkun kompliċi ma’ dawn l-iskandli.