Futbol Sport

Stennija għall-partita tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Kroazja

(Ritratt: MFA)

Wara li fl-aħħar partiti, taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan Devis Mangia rajna titjieb sostanzjali fil-prestazzjonijiet tat-tim nazzjonali Malti u fejn saħansitra ksibna riżultati pożittivi, llejla t-tim Malti jaffaċċja l-itqal partita taħt it-tmexxija ta’ Mangia meta f’Stadion HNK Rijeka jilgħab kontra l-finalisti tat-Tazza tad-Dinja tal-2018, l-Kroazja.

Din il-partita hija l-aħħar waħda f’din il-waqfa internazzjonali, bit-tim Malti jitlef l-ewwel partita f’Ta’ Qali kontra r-Russja 3-1, fejn minkejja r-riżultat, it-tim imexxi minn Mangia kellu prestazzjoni pożittiva. Fit-tieni partita ta’ nhar is-Sibt, Malta temmet fi draw ta’ 2-2 f’Trnava kontra l-Islovakkja fejn għal darb’oħra rajn lit-tim nazzjonali Malti jilgħab b’mod offensiv u jkun resiljenti fid-difiża minkejja li sofra żewġ gowls f’temp ta’ erbgħa minuti fil-bidu tat-tieni taqsima.

Il-Kroazja minn naħa tagħhom, tilfu fl-ewwel partita kontra l-Islovenja u kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Ċipru. Naturalment, wara żewġ partiti f’perjodu tant qasir se tkun evidenti l-għejja fiżika fost il-player iżda l-konċentrazzjoni se tkun fattur importanti ferm kontra avversarju li jinsab fil-11-il post fir-rankings tal-FIFA. Il-mentalità li biha l-players Maltin lagħbu biha fl-aħħar partiti kienet fattur ewlieni fil-kisba tar-riżultati pożittivi u anke l-inklużjoni ta’ players bħal Teddy Teuma u oħrajn għenet biex titjieb il-kolletività tat-tim.

Fil-passat iż-żewġ timijiet iltaqgħu tmien darbiet bit-tim Kroat jirbaħ seba’ konfronti, b’konfront wieħed biss jintemm fi draw ta’ 1-1, dak tal-2005 fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, bis-supporters Kroati jwettqu ħsarat estensivi fl-istadium fi tmiem il-partita.

Il-partita ta’ llejla bejn Kroazja u Malta, valida minn Grupp H tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2022 tibda fid-8.45pm.