Il-Kunsill Lokali San Ġwann fetħu għall-ewwel darba għall-pubbliku wirja lluminata f’forma ta’ drive-through bl-isem ta’ IN LUMINE bit-tema ta’ żmien ir-Randan. Wieħed jista’ jżur din il-wirja f’ambjent sikur ġewwa l-parkeġġ ta’ Misraħ Lourdes biswit il-Knisja ta’ San Ġwann, fil-kumdità tal-karozza tiegħu.
B’idea tal-Kunsillier Dominic Cassar u xogħol artistiku magħmul kollu bl-idejn, tal-artist Daniele Armeni flimkien mat-tim tiegħu magħmul minn bosta volontiera attivi fil-Parroċċa ta’ San Ġwann, wieħed jista’ jidħol fl-ispirtu tar-Randan b’mod differenti kif nafu l-wirjiet tradizzjonali u b’mod sikur, anke fid-dawl ta’ numru ta’ restrizzjonijiet prekawzjonarji mdaħħla riċentament minħabba l-COVID-19. Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech, stqarr kemm hu kburi bil-proġett tal-ewwel xorta tiegħu f’pajjiżna.
Il-Kappillan ta’ San Ġwann, Patri Emmanuel Abela, faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali San Ġwann, li fost inizjattivi oħra varji qed iżomm il-lokal ta’ San Ġwann ħaj u sabiħ.





