Il-Ġermanja waqfet, għalissa, milli tlaqqam liċ-ċittadini taħt is-60 sena bil-vaċċin tal-Oxford-Astra-Zeneca għal kontra l-Covid-19 meta qed jissemma s-sogru ta’ ‘każi rari ta’ trombożi’.
Ir-regolatur tal-mediċini fil-Ġermanja sab 31 ‘każ rari ta’ demm miġmugħ ( trombożi)’ fost il-kważi 2.7 miljun persuna li ngħataw dan il-vaċċin fil-pajjiż.
Madankollu, l-Astra-Zeneca insistiet li r-regolaturi internazzjonali sabu li l-benefiċċji ta’ dan il-vaċċin jissuperaw ‘bil-kbir’ lil kwalunkwe element ta’ sogru. Il-kumpanija tal-farmaċewtika, intant, qed tkompli tanalizza d-database biex tifhem jekk il-każi mill-aktar rari tat-trombożi humiex iseħħu ‘f’livell aktar komuni milli wieħed jistenna mill-kawżi naturali fost popolazzjoni ta’ miljuni.’
L-istess kumpanija qed tkompli taħdem mal-awtoritajiet Ġermaniżi biex tindirizza kwalunkwe mistoqsijiet li jista’ ikollhom. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit it-tnejn qed jappoġġjaw il-vaċċin tal-Astra-Zeneca wara li numru ta’ pajjiżi Ewropej kienu sospendew l-istess vaċċin imbagħad komplew jużawh bħala strument effettiv għat-trażżin tal-Covid-19.
Is-Segretarju tal-Komunitajiet Britaniku, Robert Jendrick qal li ma jemminx li hemm ħtieġa biex wieħed jindaga mill-ġdid dwar il-kwalitajiet tal-vaċċin tal-Astra-Zeneca fir-Renju Unit. L-awtoritajiet Britanniċi, fil-fatt, huma 100-fil-100 fiduċjużi fl-effettività tal-vaċċin wara konferma wara l-oħra mill-istudji li ħadu sehem fihom ir-regolaturi internazzjonali tal-aqwa reputazzjoni.
Fi żviluppi oħra, żewġ kumpaniji ħabbru li l-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech kapaċi jagħti protezzjoni ‘qawwija’ lit-tfal ta’ 12-il sena. Dam ħareġ minn studju li kien jinvolvi mal-2,300 voluntiera b’etajiet bejn it-12 u l-15 il sena. Ma kien hemm l-ebda każi tal-Covid-19 fost il-voluntiera li ngħataw it-tilqima sħiħa – bi tmintax li ngħataw placebo jispiċċaw infettati. Il-vaċċin tal-Pfizer, għalissa, hu awtorizzat għan-nies ta’ 16-il sena ‘il fuq.
Sadanittant, l-awtoritajiet fir-Renju Unit huma inkwetati li n-nies mhumiex qed iżommu d-distanzi soċjali meta l-pajjiż bħalissa għaddej minn jiem ta’ bnazzi ‘straordinarji’. Intant, ħarġu aktar twissijiet biex in-nies jirrispettaw ir-regoli – bl-Ingilterra qed tkompli tnaqqas mir-restrizzjonijiet. Intant, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom inaqqsu wkoll ir-restrizzjonijiet soċjali aktar tard fix-xahar.
Fi żviluppi oħra, il-Brażil irreġistra rekord ta’ 3,780 imwiet mill-coronavirus għal ġurnata waħda. Dan waqt li l-President Brażiljan Jair Bolsonaro ikkonferma ‘il-pakketti tas-self’ f’tentattiv biex isostni s-servizzi tas-saħħa nazzjonali li jinsabu f’xifer ta’ kroll minħabba ż-żieda allarmanti fl-infezzjonijiet.
L-Awstralja, intant, waqgħet lura sew mill-mira biex tlaqqam lil erba’ miljun ċittadin sal-aħħar ta’ Marzu – bil-belt ta’ Brisbane qed tosserva mill-ġdid il-kriterji ta’ lockdown.
Franza wkoll qed tiffaċċja kriżi ta’ każijiet tal-Covid-19 u meta l-President Franċiż. Emanuel Macron mistenni jikkonferma aktar restrizzjonijiet għall-poplu – fosthom l-għeluq tal-iskejjel.
//= $special ?>