Lokali

“Flimkien nistgħu nsaħħu isem pajjiżna” – Bernard Grech

“Irridu artna lura”…kienu kantaw fil-Musical Ġensna, u llum ukoll irridu artna lura imma din id-darba minflok mill-barrani..minn idejn dawk li użaw il-politika sabiex ħatfu l-pajjiż.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech permezz ta’ post fuq il-midja soċjali f’okkażżjoni tal-festa tal-31 ta’ Marzu.

Huwa saħaq li pajjiżna rridu nagħtuh “f’idejn il-ħawtiel, f’idejn min jistinka bil-ħila tiegħu, f’idejn min javvanza bis-sagrifiċċji, f’idejn min ħadem bla heda u issa jixtieq jistrieħ u jgawdi frott ħidmietu.”

.Bernard Grech insista li “flimkien irridu u nistgħu naqtgħu l-ħbula tal-interessi u nsaħħu isem pajjiżna.”

Matul il-jum, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż – fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu – poġġew fjuri mal-Monument, faċċata l-Knisja Kolleġġjata tal-Birgu. Min-naħa tiegħu, mal-wasla, il-Prim Ministru Robert Abela dar mal-folla preżenti u qagħad jieħu r-ritratti man-nies.

Minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-pandemija, din is-sena wkoll ma setgħetx issir il-Quddiesa Pontifikali u l-Parata tal-Forzi Armati ta’ Malta. Madankollu, ammont ta’ suldati daqqew il-fanfarra appena l-President tar-Repubblika George Vella poġġa l-fjuri u l-Innu Nazzjonali fi tmiem iċ-ċerimonja qasira.

42 sena ilu, il-31 ta’ Marzu wasal fi tmiemu l-kuntratt li l-Prim Ministru Laburista Duminku Mintoff kien ġedded hu stess fl-1974 biex pajjiżna tintuża’ għal ħames snin oħra bħala Bażi Militari.

Dak iż-żmien, kien il-Gvern Britanniku li għażel li ma jerġax iġedded dan il-kuntratt. Iżda biex dan il-fatt ma jkunx marbut mal-ewwel jum ta’ April, il-Gvern fittex jiċċelebra l-okkażjoni dakinhar stess … kif baqa’ jsir minn dakinhar ‘il quddiem.