Sport Sport Ieħor

Helen Glover tirritorna għall-Olimpjadi ta’ Tokjo

Helen Glover (xellug) u Heather Stanning (lemin) (Ritratt: EPA)

Il-qaddiefa Helen Glover, darbtejn rebbieħa tal-midalja tad-deħeb fl-Olimpijadi ta’ Londra fl-2012 u f’Rio fl-2016 wara li iritirat minn kull kompetizzjoni erba’ snin ilu, ħabbret li ser tirritorna bil-għan li tidħol fl-istorja u tirrepeti l-istess suċċessi fl-Olimpijadi ta’ Tokjo. Mal-mument li ħabbret li lest tirritorna issejjħet biex tgħamel parti mit-tim Brianniku għall-Kampjonati tal-Ewropa tal-Qdif li għandhom isiru f’Varese l-Italja. Helen Glover li għandha 34 sena ser taqdef flimkien ma’ Polly Swann li kienet kisbet il-midalja tal-fidda fl-aħħar Olimpijadi.

Fl-erba’ snin li ilha barra minn kull kompetizzjoni kellha tlett itfal fosthom tewmin li twieldu f’Jannar tas-sena li għaddiet u rritornat taqdef madwar seba’ xhur ilu bil-għan li tibqa’ attiva. Dan kien biżżejjed biex issa ingħaqdet mat-tim Britanniku tal-qdif fiċ-ċentru ta’ taħrig f’Caversham. Glover rebħet il-midalji Olimpici flimkien ma’ Heather Stanning li wkoll kienet irtirat fl-2016.