Lokali

“Il-preskrizzjoni fuq abbuż ta’ minorenni għandha titneħħa” – Fondazzjoni Lisa Maria

Winston J Zahra, Trustee ta’ The Lisa Maria Foundation, u Joe Borg, Korodinatur Amministrattiv tal-Fondazzjoni, kellhom laqgha, mitluba mill-istess Fondazzjoni, mal-Ministru Michael Falzon sabiex jiddiskutu t-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq abbuż ta’ minorenni. Il-Fondazzjoni kienet diġa sejħet għal dan f’okkażjonijiet oħra.

Winston J Zahra spjega kif f’pajjiżi bhal Kanada, l-Ingilterra u l-Awstralja l-preskrizzjoni fuq dawn ir-reati tneħħiet. Qal illi l-vittmi tal-abbuż sesswali jridu ż-żmien sabiex jindirizzaw it-trawma li tkun serqitilhom tfulithom u għalhekk li jeħtieġ ikun hemm lmekkaniżmi kollha mehtieġa biex jgħinu lill-vittmi jitkellmu dwar dak li jkunu għaddew minnu. Is-sistema tal-ġustizzja f’pajjizna, għandha tkun aktar iffukata favur it-tfal, sostna Zahra.

Zahra tenna illi bidliet fil-liġijiet eżistenti jagħtu saħħa lill-vittmi tal-abbuż u dan hekk kif l-aggressuri jridu jirrispondu għal għemilhom għadda kemm ikun għadda żmien mir-reat.