Sport Sport Ieħor

“In-nuqqas ta’ partitarji fl-Olimpjadi mhux se jħalli mpatt fuq l-irkupru ekonomiku tal-Ġappun” – IMF

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), qal li d-deċiżjoni li ma jitħallewx partitarji jattendu l-Olimpjadi ta’ Tokjo tas-sajf li ġej mhux se tkun qed tħalli mpatt negattiv fuq l-irkupru ekonomiku tal-Ġappun.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ġappun ikkonferma li mhux se jitħallew partitarji jattendu l-Olimpjadi tas-sajf li ġej minħabba l-imxija tal-COVID-19, bid-Direttur Maniġerjali tal-IMF, Kristalina Georgieva kienet kwotat tgħid li dan ftit li xejn se jimpatta l-irkupru ekonomiku tal-Ġappun u anke jekk l-Olimpjadi jkunu kkanċellati, dan mhux se jkun fattur ewlieni li jħalli mpatt negattiv fuq l-ekonomija tal-Ġappun.

L-Olimpjadi ta’ Tokjo kienu mistennija jħallu dħul ta’ €670 miljun mill-biljetti tal-partitarji, apparti dħul ieħor fl-ekonomija tal-Ġappun minn akkomodazzjoni u spejjeż oħra. Il-Ġappun kellu aktar minn 470,000 każ pożittiv ta’ COVID-19 sa mill-bidu tal-pandemija u aktar minn 9,000 mewt, li huwa numru żgħir meta kkumparat mal-popolazzjoni.

L-Olimpjadi huma skedati li jsiru bejn it-23 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu li ġej u jsegwu wara l-Paralimpjadi li se jsiru bejn l-24 ta’ Awwissu u l-5 ta’ Settembru.