Uffiċjal tal-qawwiet tal-baħar Taljani nżamm taħt arrest wara li nqabad qed jgħaddi d-dokumenti sigrieti lil uffiċjal militari tar-Russja. Iż-żewġ irġiel inqabdu mill-pulizija militari u mistenni li huma jiffaċċjaw akkużi dwar reati serji relatati mal-ispjunaġġ u dwar aġir li jipperikola s-sigurtà tal-Istat.
Mistenni wkoll li l-uffiċjal Russu — li kien qed jaqdi d-doveri mal-Ambaxxata Russa fl-Italja – se jispiċċa mkeċċi mill-pajjiż mill-aktar fis possibbli.
Dan waqt li l-awtoritajiet Taljani qed ikomplu jinvestigaw il-każ, bl-Ambaxxatur Russu għall-Italja, Sergey Razov, jissejjaħ għand il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Ruma biex jiddiskuti s-sitwazzjoni.
Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Luigi Di Maio, qal, intant, li żewġ uffiċjali Russi li huma involuti ‘f’dan il-każ mill-aktar serju’ tkeċċew mill-pajjiż b’seħħ immedjat. Il-Kremlin tar-Russja esprima tama li ‘tkompli n-natura kostruttiva tar-relazzjonijiet bejn Ruma u Moska’ — madankollu, il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin mistenni jirreċiproka għall-azzjonijiet ta’ Ruma bit-tkeċċijiet ta’ diplomati Taljani minn Moska.
Il-membri ta’ grupp għal servizzi speċjali mal-Carabinieri, fil-lejl tat-Tlieta, qabdu lill-uffiċjal Taljan u l-uffiċjal Russu f’ħin meta huma kienu għaddejjin b’laqgħa sigrieta f’zona għall-parkeġġ f’Ruma. Ir-rejd sar ftit wara li l-uffiċjal Taljan laħaq għadda dokument lir-Russu bi skambju ma’ somma flus kontanti ekwivalenti għal xi 5,000 ewro
Sar magħruf li t-Taljan li qed jinżamm taħt arrest hu l-kaptan ta’ frejgata, iżda ma ħarġux dettalji dwar l-istatus diplomatiku tar-Russu li kien f’kuntatt miegħu.
//= $special ?>