Il-Kummissjoni Ewropea konfermat li qed tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja meta qed tixli lill-Gvern ta’ Varsavja dwar riforma li allegatament qed ittellef l-indipendenza ġudizzjarja. Dan meta l-Unjoni qed titlob biex il-Qorti Ewropea toħroġ direttiva proviżorja li tissospendi l-liġi (riforma) tal-Polonja li twaqqfet fl-2019, sakemm joħroġ il-verdett finali.
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-Unjoni, Didier Reynders, qal li l-Kummissjoni Ewropea temmen li l-liġi tal-Polonja qed tostakola l-aġir indipendenti tal-ġudikatura f’dak il-pajjiż, minbarra li hi wkoll inkompatibbli mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ġustizzja.
Il-pass tal-Kummissjoni qed jitqies bħala parti mill-kampanja tal-Eżekuttiv tal-UE biex il-Polonja u l-Ungerija jibdew jirrispettaw aktar ‘il-liġijiet u l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Ewropa’.
Il-Kummissjoni anki qed takkuża lill-gvernijiet populisti tal-Polonja u l-Ungerija b’li qed joħonqu lill-media indipendenti u b’li qed jimponu riformi li effettivament jeskludu l-imħallfin li d-digrieti tagħhom jistgħu jmorru kontra l-fehmiet tal-Partiti fil-Gvern rispettivi.
//= $special ?>