L-aħwa George u Alfred Degiorgio qed jinsistu illi għandhom informazzjoni diretta u mhux hearsay illi turi l-involviment ta’ mandant illi kien Ministru tal-Gvern u ta’ Ministru ieħor tal-Gvern preżenti f’każ separat fejn ġie kommess reat serju ħafna. Dan intqal fi stqarrija maħruġa minn William Cuschieri, l-avukat taż-żewġ imputati.
L-aħwa Degiorgio fakkru li għamlu talbiet lill-President tar-Repubblika sabiex jingħataw Maħfra Presidenzjali ħalli jagħtu l-informazzjoni kollha illi għandhom in konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ma’ delitti oħra illi seħħew fil-passat.
L-informazzjoni illi huma għandhom hija informazzjoni diretta u mhijiex għajdut. Tali informazzjoni, dejjem skont l-aħwa Degiorgio, għandha twassal għal mandant illi kien Ministru tal-Gvern u għal middleman fil-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-konfront ta’ tali persuni la
ittieħdu passi u lanqas ingħatat xi Maħfra Presidenzjali – illi jfisser li ir-referenzi tal-aħwa Degiorgio mhumiex għal Yorgen Fenech jew Melvin Theuma, iżda persuni oħra li possibbilment huma mdaħħla f’dan l-assassinju.
L-avukat Cuschieri qed jgħid li l-aħwa għadhom ma rċevew l-ebda komunikazzjoni wara t-talbiet magħmula minnhom meta huwa mistenni illi tali talbiet u l-informazzjoni illi jistgħu jagħtu għandhom jiġu trattati b’serjetà u bi speditezza.
Huma kienu u għadhom serjament imħassba dwar kemm it-talbiet tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati b’serenità u b’ġustizzja għaliex teżisti almenu l-possibilità attwali ta’ kunflitt ta’ interess f’dawk illi skond il-liġi għandhom jagħtu r-rakkomandazzjoni tagħhom dwar tali talbiet u b’hekk il-verità kollha tibqa’ mhux magħrufa.
Kien għalhekk illi f’Ġunju tas-sena 2019 huma talbu illi jitkelmu ma’ l-Ewro-Parlamentari Ana Gomes u David Casa.
L-Istat għandu jkun f’pożizzjoni illi jisma’ l-informazzjoni illi għandhom huma u mhux ikun imxekkel minħabba kunflitti milli jisma’ tali informazzjoni u jikkunsidraha skond il-liġi fid-dawl tat-talbiet magħmula minnhom.