Lokali

“Mingħajr l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea l-AirMalta tagħlaq”

Il-kontijiet tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta se jkunu qed jiġu ppublikati biss ladarba l-Kummissjoni Ewropea toħroġ il-verdett tagħha fuq it-talba tal-Gvern rigward l-istate aid. Dan qalu l-Ministru Clyde Caruana mal-ġurnal MaltaToday.

Jidher illi filwaqt li s-sena finanzjarja tal-linja tal-ajru tagħlaq proprju f’Marzu, il-kumpanija għadha ma ppublikatx l-accounts tagħha tas-sena finanzjarja li għaddhiet… il-perjodu li jkopri il-firxa tal-pandemija.

Il-Ministru tal-Finanzi spjega li l-accounts, li għalissa għadhom ma ġewx ippubblikati – ġew ippreżentati lill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-applikazzjoni tal-għajnuna finanzjarja li taf tlaħħaq il-miljuni; għajnuna mitluba wara d-daqqa ta’ ħarta li l-linja tal-ajru esperjenzat fl-aħħar xhur

Madanakollu ċ-ċifri jindikaw li t-telf ta’ flus tal-AirMalta imur lil hinn mill-Covid-19 hekk kif kienet diġà qed tagħmel telf fis-sena preċedenti…minkejja li lura fl-2019 Gvern Laburista kien ftaħar bil-pompi kollha li l-kumpanija kienet irreġistrat profitt grazzi għal mossa ta’ darba.

Caruana ammetta li l-AirMalta qed tagħmel telf ta’ madwar €170,000 kuljum u insista li mingħajr l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea  l-kumpanija mistennija tagħlaq il-bibien.

Filwaqt li matul l-2020 il-linja tal-ajru keċċiet numru ta’ bdoti – l-aħħar spinta u għajnuna konkreta li ħadet il-kumpanija kienet proprju taħt Gvern Nazzjonalista lura fl-2012 meta ingħatat state aid ta’ €200 miljun.

Interessanti l-fatt illi taħt Konrad Mizzi, il-Gvern Laburista kontinwament kien jirrepeti r-retorika politika li l-pjan għall-AirMalta miexi kif suppost…bl-eks Ministru Laburista itenni li ma kienx hemm problemi.