Rapport li sar mill-uffiċjal tal-UEFA li ġie delegat għall-partita internazzjonali Kroazja v Malta jindika b’mod ċar li din il-partita “għandha terġa’ tintlagħab” minħabba żbalji kruċjali li saru mit-terna arbitrali.
Dan ir-rapport sensittivi, fl-aħħar sigħat, ġie illikjat lill-media tal-Kroazja. Għalkemm jidher li f’pajjiżna, l-MFA għadha ma ġiet infurmata b’xejn.
L-aħbar ħolqot furur enormi fil-ġurnali Kroati, b’uħud jikkwotaw lill-istilla tal-Kroazja Luca Modric jgħid li b’din il-mossa “Malta se tkun serqitilhom tliet punti”.
Ir-rapport tal-UEFA jirreferi b’mod dirett għall-azzjoni tal-penalty fl-ewwel taqsima li inġustament ma kienx mogħti lil Malta mir-referee Żvizzeru Lionel Tschudi. Deċiżjoni li għaliha ħallasna qares.

Imbgħad, fit-tieni taqsima, l-istess referee saffar penalty tassew dubjuż favur il-Kroati – kif spjega Chris Micallef, il-producer ta’ Replay, f’analiżi li għamel aktar kmieni din il-ġimgħa.
Id-delegat tal-UEFA janalizza mhux biss il-penalty mogħti lil-Kroazja, iżda anke l-ewwel gowl tal-Kroati li possibilment kien offside.
Net News jista’ jikkonferma li tard illejla kienu għaddejin kuntatti mal-UEFA minn naħa tal-MFA sabiex tinkiseb kopja ta’ dan ir-rapport. Jidher li deċiżjoni ta’ dan it-tip hi meqjusa waħda ‘mhux normali’, iżda l-UEFA trid li jinqatgħu ċertu inġustizzji li ma jistgħux jiġu kkoreġuti bil-VAR – għax f’dan l-istadju tal-kwalifikazzjoni s-sistema VAR ma tintużax.
Meta kkuntatjajna l-Assoċjazzjoni Kroata, dawn wieġbu b’mod xott ħafna u qalulna li għalissa se jistennew ftit qabel joħorġu stqarrija uffiċjali.
