Futbol Sport

Rebħulna iżda l-Kroati kellhom bżonn il-pjan ta’ emerġenza

Analiżi, kummenti u osservazzjonijiet wara t-telfa ta’ Malta kontra l-Kroazja, skont l-opinjoni ta’ Christian Micallef

Wara d-dro kontra s-Slovakkja, kien imissna l-itqal partita mill-għaxra li għadna f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2022, kontra l-Kroazja f’dahrom. Kull partitarju kien jaf li f’Rijeka kien se jkun diffiċli ħafna, jekk mhux kważi impossibli, li nieħdu xi punt iżda xorta għexna l-istennija għal din il-logħba b’ħerqa u entużjażmu.

Għal darb’oħra l-Maltin tawna gost narhom jilgħabu. Għamluna kburin li aħna Maltin, u minkejja li storikament it-tim nazzjonali Malti ftit li xejn għandu statistika pożittiva ta’ rebħ f’dan il-livell, il-kultura lokalment qed tinbidel u l-pubbliku sportiv Malti qed isegwi b’interess u attenzjoni l-partiti tat-tim nazzjonali. Iżda mhux biss. It-tama ta’ prestazzjonijiet tajba, b’riżultati li jagħtuna raġuni biex niċċelebraw, kibret mhux ftit. L-istorja ta’ Malta fil-futbol m’għadhix li kienet. Il-kultura qed tinbidel u bdejna ngħixu l-bidla li tant konna llna nitkelmu dwarha, nittamaw li sseħħ iżda qatt ma kienet tasal. Issa kulħadd qed jintebaħ li l-affarijiet m’għadhomx kif kienu qabel.

Bidla li kellha l-bidu tagħha meta Bjorn Vassallo sar President tal-MFA

Skoprejna l-bakketta maġika? Le. Jien ngħid, li dak li qed jiġri llum hu frott ħafna ċirkostanzi u affarijiet li seħħew matul iż-żmien, primarjament fit-tmexxija tal-MFA. M’hemmx dubju li l-viżjoni ambizjużża tal-President Bjorn Vassallo qed tagħti l-frott mixtieq, iżda mhux biss. Vassallo kellu l-kuraġġ li jieħu deċiżjonijiet importanti fosthom li jinvesti aktar fl-istaff tekniku tat-timijiet nazzjonali, b’mod li llum qed naraw id-differenza fir-riżultati. Hu fatt li Devis Mangia qed iġib rivoluzzjoni sħiħa u hu l-wiċċ ta’ din il-bidla li kulħadd qed ifaħħar, iżda Mangia mhux qed jagħmel dan kollu waħdu. Warajħ għandu tim ta’ nies, li kollha f’daqqa sparaw ‘il fuq is-salarji li l-MFA qed tonfoq fit-tim nazzjonali, iżda sal-lum mhux talli taw valur għal xogħolhom, talli rrnexxilhom jagħmlu dak li qatt ma kont nemmen li se nara; individwi Maltin li kienu joxew jikkritikaw lil Malta meta tilgħab u titlef, saħansitra individwi li fl-2019 ma kienux qed jappoġġaw il-kampanja elettorali ta’ Bjorn Vassallo, dawn bdew jitkelmu xorta oħra għaliex qed jifhmu li x-xogħol li qed isir u d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu qed jagħmlu sens u qed iħallu l-frott mixtieq.

Mingħajr ma nidħol f’wisq dettall, l-istaff tekniku ta’ Mangia hu kompost minn uċuħ li mhux biss jagħtun valur kbir lit-tim nazzjonali iżda qed jagħtu identitá ġdida lit-tim tagħna, fil-mod ta’ kif jitmexxa. Per eżempju bħala assistenti, Mangia għandu żewġ persuni li huma kalċistikament bravi iżda t-tnejn differenti minn xulxin, allura dan jgħin biex jikkumplimentaw mhux biss lil xulxin iżda jgħollu l-livell ta’ potenzjal u għarfien għall-logħba fit-tmexxija tal-istaff tekniku. Dawn huma Davide Mazzotta (eks membru fl-istaff tekniku ta’ Antonio Conte ma’ Chelsea) u Guillermo Giacomazzi (eks plejer internazzjonali tal-Urugwaj u plejer fis-Serie A fl-Italja ma’ Lecce).

Ma’ dawn l-ismijiet hemm ukoll, fost oħrajn, persuna oħra ta’ nazzjonalitá Taljana u li Mangia tant għandu fiħ; Alessandro Zinnari fir-rwol ta’ kordinatur tekniku għat-timijiet nazzjonali kollha tal-MFA. Iżda jekk hemm persuna li fl-iskwadra ta’ Mangia jagħmel xogħol li ftit li xejn jingħata rikonoxximent għaliħ, li iżda hu xogħol importanti u li jagħti lok għall-kontinwitá, dan hu Keith Fenech. L-eks plejer ta’ diversi klabbs fil-Kampjonat Premier, illum hu t-tim manager tat-tim nazzjonali u l-kuntatt numru wieħed ta’ Mangia f’Malta.

Suċċess ta’ tim u mhux ta’ persuna

Inħoss li wieħed mill-iżbalji li konna nagħmlu fil-passat kien li naħtru kowċ nazzjonali, hu min hu, u nħaluħ nieqes minn persuni li ċertu jgħinuħ fil-ħidma tiegħu u li llum tridhom bilfors miegħek għaliex il-futbol m’għadux kif kien qabel. Vassallo għażel lil Mangia, u lil Mangia taħ iċ-ċans li jagħżel u jġib miegħu lil min irid. Għalhekk qed ikolna dan is-suċċess.

Fl-istess waqt ejjew ma ninsewx li din id-deċiżjoni ta’ Vassallo, fiha nnifisha kienet riskjuża ukoll għaliex dan hu l-aktar staff tekniku li qatt ħalset għaliħ l-MFA fl-istorja tagħha, u kieku r-riżultati huma bil-kontra ta’ dak li qed niksbu llum, m’għandix dubju kemm kien ikun hemm min jikkritika lit-tmexxija tal-assoċjazzjoni.

Pero anke hawnhekk inkunu qed niżbaljaw jekk fuq livell ta’ assoċċjazzjoni, natribwixxu s-suċċess f’din il-ħidma lil Vassallo waħdu. Vassallo hu l-President, u mingħajr dubju l-istrateġista f’dan kollu li bil-mod tiegħu, qed jgħin lil Malta twettaq ħolma li minn dejjem kelna. Iżda ma’ Vassallo hemm nies oħra li għandhom sehem importanti f’dan kollu. Matthew Paris u Angelo Chetcuti huma possibilment it-tnejn minn nies li jagħtu l-akbar spalla u appoġġ lil Vassallo. It-tnejn bil-mod tagħhom iżda t-tnejn effettivi. Paris u Chetcuti għandhom viżjoni li qed jirnexxilhom iwetqu u dak li huma kienu jemmnu fiħ kien konformi mal-istrateġija ħolistika li ppreżenta Vassallo, fl-2019.

Jekk is-suċċess tal-lum hu dovut għall-għażliet u l-viżjoni li ppreżenta Vassallo, meta fl-2019 kelna l-elezzjoi għall-bidla fit-tmexxija tal-MFA, wieħed irid ifakkar ukoll li biex l-eks Direttur tal-FIFA rebaħ l-elezzjoni għall-Presidenza tal-MFA fl-2019, irnexxilu jagħmel dan għal diversi fatturi. Apparti li mingħajr dubju Vassallo kien l-aħjar għażla meta mqabbel mal-kontestant l-ieħor, l-istess Vassallo kien kapaċi juri sens qawwi ta’ tmexxija meta rrnexxilu jgħaqqad u mhux jifred il-familja tal-futbol. Iżda mhux biss. Parti mis-suċċess ta’ Vassallo fl-2019, u llum bħala President tal-MFA hu li għandu miegħu tim kompetenti. Mingħajr tlaqliq ngħid li anke fl-2019, fil-mument tal-għażla għal min kellu jkun President tal-MFA, il-fattur Matthew Paris li kien fuq in-naħa ta’ Vassallo għen ħafna.

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Kontroll tal-arbitraġġ li żgur m’għenx lill-Malin

Kontra l-Kroazja lagħbna tajjeb. Il-kontroll tar-referee ma kienx favur tagħna u x-xorti ftit li xejn kienet fuq in-naħa tagħna. Il-pajjiż li jinsab fil-176 post fir-rankings tad-dinja, lagħab kważi daqs kemm lagħbu l-avversarji tagħhom fil-ġurnata, il-Kroazja; pajjiż li b’ranking numru 11 tal-FIFA. Fl-ewwel taqsima l-Kroati tħabtu u ma rrnexxilhomx jimponu l-logħba tagħhom f’dahrom u kontra l-aktar avversarju dgħajjef tal-grupp.

L-ewwel 45 minuta f’Rijeka, meta tqis kollox f’daqqa, possibilment setgħu kienu fost l-aqwa 45 minuta ta’ Malta taħt it-tmexxija tal-kowċ Devis Mangia. Tattikament konna ddixxiplinati. Żammejna l-forma tattika tagħna u ma konna inferjuri qatt għall-qawwa tal-avversarji. Dehrna kunfidenti u l-aktar ħaġa li oġbitni u tagħtni gost bħala Malti, kien il-mod ta’ kif bdejna naġixxu u nilgħabu, kull darba li ma kelnix il-ballun f’saqajna. Ngħid għalija rari jew qatt ma rajt lil Malta tilgħab hekk u kontra min. Bdejna nirbħu blalen li normalment ma konnix nirbħu f’dawn it-tip ta’ partiti. Bdejna niffrustraw lill-avversarji tant li fl-ewwel taqsima ma niftakarx li l-Kroazja kellhom xi azzjoni ta’ skor. Fid-difiża konna kompatti u fl-attakk ma ddejjaqna xejn inkunu avventurużi, saħansitra bi plejers fl-iskwadra li huma żgħar fl-etá u nieqsa mill-esperjenza f’dan il-livell ta’ futbol. Minkejja dan, lagħbna b’kunfidenza u personalitá kbira. Tmiem l-ewwel taqsima mhux biss tagħtna sodisfazzjon għal mod ta’ kif konna qed nilgħabu, iżda kuraġġ li stajna nieħdu xi ħaġa minn partita li qatt f’mitt sena ma konna qed noħolmu li stajna nirbħu imqar punt.

Imċaħda minn penalty li setgħa biddel il-partita

Imbgħad xi ngħidu għall-azzjoni tal-penalty fl-ewwel taqsima li inġustament ma kienx mogħti lil Malta mir-referee Żvizzeru Lionel Tschudi? Deċiżjoni li għalija ħallasna qares, iżda li kompliet tiżbilanċja lilna bħala tim, meta fit-tieni taqsima, l-istess referee saffar penalty tassew dubjuż favur il-Kroati. Min jaf x’kien jiġri fil-partita kieku r-referee ħa d-deċizjoni t-tajba, ta l-penalty lill-Maltin u konna niskorjawħ? Ħadd ma jista’ jgħid li konna nkunu qed nisirqu xi ħaġa mill-partita kieku dak il-penalty ingħata lilna u konna mmorru fil-vantaġġ. Anzi pjuttost nasal biex ngħid li konna aħjar mill-Kroati sa dak il-ħin. Anke l-istess Kroati, waqt u wara l-partita, meta wieħed jerġa’ jara għal diversi drabi r-ripetizzjoni tal-azzjoni, qed jaqblu li dak ta’ Malta kellu jkun penalty. Kulħadd qed jgħid li kien penalty. Kulħadd barra Tschudi.

Iżda Tschudi, li mill-ftit riċerka li għamilt, fl-iŻvizzera għandu reputazzjoni ħażina li jieħu deċiżjonijiet ħżiena, inkluż ta’ penalties, għaliex ma jkunx iffukat u attent fuq l-azzjoni, għażel xorta oħra. Probabilment, anke jekk mhux se jammettuha, kontra dawn il-pajjiżi, Malta dejjem se tbgħati mid-deċiżjonijiet arbitrali u hekk ġara. Iżda mhux biss f’din l-azzjoni tal-penalty li ma kienx mogħti lil Malta biss. Il-penalty mogħti lil-Kroazja għandi dubju kbir kemm kien leġittimu, u jekk kien vera kien ‘soft’ u l-ewwel gowl tal-Kroati possibilment kien offside. B’dawn it-tliet deċizjonijiet biss meħuda, u li r-referee ġabhom ħżiena, bilfors li tim żgħir bħal Malta se jħoss id-daqqa u se jitlef il-partita kif fil-fatt ġara.

Il-Kroati kellhom bżonn lil Modric u Perisic, apparti r-referee, biex jirbħu

Jekk int li qed taqra dan l-artiklu, bħalissa qed tgħid, ‘tlifna u qed nippruvaw inġibu skuża f’xi ħaġa’, allura ngħidlek li jew ma rajtx il-partita jew l-interpretazzjonijiet tar-regoli tiegħi huma differenti minn tiegħek. Riżultat ta’ 3-0 kien kiefer wisq għal Malta. U dan ir-riżultat wasal sforz id-deċizjonijiet iebsa u skorretti li ħa r-referee Żvizzeru li internazzjonalment, anke jekk hu referee tal-FIFA mill-2018, m’għandux esperjenza ta’ ħafna partiti f’dan il-livell. X’aktarx wara din il-partita, l-opportunitajiet li jkollu aktar partiti ta’ dan it-tip, se jkomplu jonqsulu, u bix-xieraq.

Iżda lilhinn mill-kontrol tar-referee, hu fatt li l-prestazzjoni ta’ Malta fl-ewwel 45 minuta, inkwetat mhux ftit lill-kowċ Kroat, Zlatko Dalić. Kien diġa’ qal, sa minn qabel din il-logħba kontra Malta, li kien se jserraħ xi plejers anke għaliex din kienet it-tielet logħba f’inqas minn ġimgħa għaż-żewġ pajjiżi. Tnejn mill-aqwa plejers tagħhom, Luca Modric u Ivan Perisic kienu se jitħallew fuq il-bank, u jidħlu biss f’każ ta’ emerġenza. Ħasbu li kontra Malta setgħet tkun partita li wieħed jipprova affarijiet ġodda, jesperimenta xi ftit bil-logħob u jipprova xi plejers li normalment ma jilgħabux daqstant frekwenti. Il-Kroati malajr indunaw li dan il-ħsieb kien ħażin u disa’ minuti fit-tieni taqsima, għamlu tliet tibdiliet f’daqqa. Daħlu jilgħabu Modric u Perisic, iż-żewġ plejers li kellhom jintużaw f’każ ta’ emerġenza, u l-promessa żagħżugħha ta’ Wolfsburg fil-Ġermanja, Josip Brekalo. Konferma aktar minn din li l-Kroati bdew jinkwetaw li r-riżultat fil-ġurnata kien f’dubju, ma setgħax ikolna.

Kienet bidla li malajr ħalliet il-frott għaliex Perisic skorja l-ewwel gowl, x’aktarx minn azzjoni ta’ offside li iżda r-referee kkonvalida. Għalkemm ma nkunx sorpriz li s’issa r-referee Żvizzeru għadu ma ndunax li din l-azzjoni setgħet kienet irregolari. Imbgħad wasal l-episodju tal-penalty diskuttibli, li iżda anke jekk id-dubju kien aktar miċ-ċertezza, ir-referee għażel li jagħti l-penalty xorta waħda u kompla kkastiga lit-tim underdog fil-logħba. Minn hawnhekk ‘il quddiem, iġifieri mis-76 minuta sal-aħħar tal-logħba, qatt ma kien hemm dubju mir-rebħa Kroata fil-ġurnata.

Rebħulna iżda l-avversarji tagħna fil-ġurnata, kellhom bżonn imorru għall-pjan ta’ emerġenza biex jiżguraw rebħa u tliet punti. Iżda mhux biss. Id-deċiżjonijiet tar-referee favur tagħhom kienu ukoll favur tagħhom u għenu mhux ftit biex komplew jagħtu rebħa lill-Kroazja fil-ġurnata. Kienu x’kienu dawn il-fatturi li waslu għat-telfa, il-Maltin reġgħu kienu tajbin. Mhux perfetti. Żbaljajna u rridu naraw kif se nassiguraw li dawn l-iżbalji, speċjalment fejn jidħlu set-pieces, ma jkunux ripetuti aktar fil-futur. Pero kien hemm aktar pożittiv milli negattiv.

Ritratt ta’ Mark Zammit Cordina

Tliet partiti li komplew jagħtu konferma tal-progress li qed isir

Jien stess bqajt sorpriż bil-prestazzjonijiet tal-Maltin f’dawn l-ewwel tliet partiti tal-grupp. Ejjew ma ninsewx li dawn kienu tliet partiti storiċi għal kulħadd u mhux anqas għal Malta, għaliex qatt qabel ma konna lagħbna tliet partiti wara xulxin. Ngħid il-veritá kont qed nistenna li jkolna wirjiet tajba iżda kont xettiku li stajna niksbu dak li ksibna peress li l-Kampjonat tagħna hu l-uniku wieħed fid-dinja li jinsab wieqaf, u anke għaliex il-fixtures kienu diffiċli fihom infushom. Illum ngħid li jista’ jagħti l-każ li fiċ-ċirkostanzi kif ġew, il-fatt li l-plejers kienu mal-kowċ ftit jiem biss qabel u kienu f’’bubble’ għal kważi tliet ġimgħat sħaħ, ‘il bogħod minn kollox u minn kulħadd, dan għen u ħadem favur tagħna. Iżda żomm. Ma jistax ikun li aħna ma nkomplux il-Kampjonat jew li nieqfu nilgħabu u l-istaġun jieqaf hawn. Jekk se jiġri hekk, bħal ma ġara s-sena l-oħra, se nkunu qed niżbaljaw u se jħalli riperkussjonijiet kbar fuq il-fiżika tal-plejers tagħna, partikolarment dawk tat-tim nazzjonali Malti.

Mela aħna diġa’ għadna żvantaġġ kbir f’dan il-livell, għaliex hu fatt li l-Kampjonat tagħna hu fost l-inqas b’saħħtu fl-Ewropa, u jekk inwaqfuħ ukoll, waqt li ħadieħor jibqa’ għaddej, allura se nkunu qed inkomplu nieħdu deċiżjonijiet li ddgħajfu lit-tim nazzjonali tagħna stess. Filwaqt li kwalunkwé miżura u deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tissalvagwardja s-saħħa tagħna u ta’ kulħadd, fl-istess waqt ejjew nifhmu li l-Kampjonat tagħna qed jintlagħab taħt protokol mediku dettaljat u li kulħadd fis-settur kellu kliem ta’ tifħir għaliħ. Jekk dan il-protokol qed ikun segwit u applikat kif suppost, allura ma narax għalfejn il-futbol f’Malta ma jistax jitkompla. Jekk le, allura nkunu tassew qed nibgħatu messaġġ li pajjiżna ma jimpurtaħx mill-professjonalitá fl-isport, u li dan is-settur jibqa’ fost l-inqas importanti li għandu l-pajjiż. Jekk l-MFA ħadmet u qed taħdem biex tbiddel il-mentalitá, allura l-awtoritajiet fil-pajjiż għandhom ukoll jassiguraw li fejn hu prattiku u possibli, anke huma jbiddlu l-mentalitá u l-mod tagħhom ta’ kif iħarsu lejn l-isport f’Malta.

Dan hu mumemt eċitanti għall-futbol Malti. Ejjew ma noqtluħx. Ejjew nagħmlu dak kollu li hu possibli biex nassiguraw li dan ir-ritmu li qbadna, b’serje ta’ riżultati possibli, u mentalitá rebbieħa u li ma tipprendi lill-ebda avversarji, jibqa’ ħaj. Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu. Minn dak li rajt s’issa fl-ewwel ħdax-il partita ta’ Devis Mangia bħala kowċ ta’ Malta, għandi fiduċja kbira u bdejt nemmen tassew, li dak li darba kien sempliċiment ħolm ta’ Malta fil-futbol, jista’ jsir realtá.

Forza Malta!