Coronavirus Lokali

COVID-19: Imutu żewġt irġiel oħra

Fl-aħħar sigħat tilfu ħajjithom żewġt irġiel oħra bil-Covid-19, wieħed ta’ 69 sena u ieħor ta’ 71 sena. It-total ta’ mwiet mill-bidu tal-pandemija s’issa f’pajjiżna hu dak ta’ 394.

Dan filwaqt li tħabbru 52 każ ġdid u fiequ 146 persuna oħra. B’hekk, il-każi attivi bħalissa huwa ta’ 740.

‘Il fuq minn 197,000 ħadu t-tilqima, filwaqt li minn dan it-total, iktar minn 54,000 ħadu ż-żewġ dożi.

Waqt l-aġġornament tas-saħħa pubblika indirizzat mill-Professur Charmaine Gauci, intqal li dawk l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 80 sena u li diġa’ tlaqmu ftit jew wisq qed jirreġistraw pożittivi tal-Covid jew qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet. Dan jissuġġerixxi li l-vaċċin qed ikun effettiv. Fl-aħħar ġimgħa kienu żewġ persuni li rreġistraw pożittivi wara li tlaqqmu biż-żewġ dożi.

Bħalissa, fl-ITU tal-Isptar Mater Dei hemm 14-il persuna rikoverata għall-COVID-19.

L-età medja f’pajjiżna ta’ dawk li ttestjaw pożittivi hu dak ta’ 39 sena. Dan filwaqt li l-età medja ta’ vittmi niżel għal 75 sena.

Il-varjant Ingliż hu l-iktar tip tal-COVID-19 li qed jaffetwa lil pajjiżna.

Bħalissa, Malta qed taħdem fuq il-green pass biex dawk li jiġu f’pajjiżna ikunu kemm jista’ jkun siguri milli jferxu l-virus f’pajjiżna.

Sa llum il-ġurnata d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qed ilaqqmu lil anzjani ta’ bejn is-60 u d-79 sena.

B’kollox, sitt persuni tilfu ħajjithom f’pajjiżna wara li ħadu ż-żewġ dożi. Tlieta minnhom ittestjaw pożittivi fl-istess żmien li kienu qed jieħdu d-dożi, filwaqt li tlieta oħra ttestjaw pożittivi 14-il ġurnata wara li ħadu ż-żewġ dożi. Il-Prof. Gauci qalet li l-vaċċin ma jagħtix garanzija ta’ mija fil-mija li la darba wieħed ikun ħa l-vaċċin, ikun sigur milli jaqbdu l-Covid-19 u jkollu xi kumplikazzjonijiet kaġun tal-virus.

B’hekk, il-Prof. Gauci fakkret li l-kbir għadu m’għaddix u b’hekk ħeġġet biex ħadd ma jinjora l-miżuri li hemm fis-seħħ filwaqt li jibqa’ jilbes il-maskra u jagħmel l-użu tal-hand sanitizer. Dan għandu jseħħ anke wara li wieħed ikun ħa d-dożi kollha.

Dwar in-nuqqas u t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha biex pajjiżna jerġa’ jirritorna lura għan-normal, jidher li dan għadu mhux magħruf hekk kif l-ebda informazzjoni ma ngħatat minkejja li saru mistoqsijiet dwar dan lil Professur Gauci.