L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kritikat il-mod kif qed issir id-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-Covid-19 madwar l-Ewropa u fejn sostniet li l-pass kajman tar-rollout ma jistax jitqiesx bħala aċċettabbli.
L-Organizzazzjoni magħrufa bħala WHO qalet ukoll li s-sitwazzjoni fl-Ewropa hi aktar inkwetanti milli kienet fix-xhur preċedenti, Dan meta l-programmi tat-tilqim f’numru ta’ Stati waqgħu lura wara li ħabbtu wiċċhom mal-intoppi.F’din is-sitwazzjoni qed jiżdiedu n-numri tal-infezzjonijiet madwar l-Ewropa u meta qed iżidu wkoll il-varjanti tal-Covid-19 f’diversi pajjiżi.
Id-Direttur tal-WHO għall-Ewropa, Hans Kluge, qal li l-vaċċini jipprovdu l-aħjar triq ‘il barra mill-pandemija iżda l-fatt li r-rollout tat-tilqim miexi daqshekk bil-mod fl-Ewropa jidher li qed itawwal l-effett tal-pandemija madwar il-kontinent.
Hu wissa li jekk il-kampanji tat-tilqim ma jingħatawx l-ispinta meħtieġa, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jkollhom jimponu l-lockdowns u miżuri oħra ta’ emerġenza biex jikkumpensaw għad-dawmien li qed iġorr prezz qawwi f’ħajja mitlufa.
Iċ-ċifri tal-ġimgħa l-oħra li huma relatati mal-pandemija konfermaw trasmissjoni aktar qawwija tal-Covid-19 fil-maġġoranza tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Ewropa li jaqa’ taħt l-iskrutinju tal-WHO u li jinkludi ‘il fuq minn 50 Stat. Il-WHO qalet li f’dan il-perjodu kien hemm mal-1.6 miljun każi ġodda u viċin l-24,000 mewta relatata mal-virus.
Franza hi l-aħħar pajjiż li ħabbar b’urġenza l-miżuri ġodda biex jilqa’ għall-aħħar żidiet fil-każi tal-Covid-19 u li se jibqgħu effettivi għal talanqas xahar. Dan effettivament ifisser li Franza spiċċat mill-ġdid taħt lockdown fuq livell nazzjonali li hu t-tielet wieħed għall-Franċiżi mill-bidu tal-pandemija.
L-iskejjel fi Franza se jibqgħu magħluqin għal mill-anqas tliet ġimgħat u qegħdin jagħlqu wkoll il-ħwienet li mhumiex essenzjali madwar il-pajjiż. Fil-preżent, ‘il fuq minn 5,000 persuna qed jingħataw kura intensiva fl-isptarijiet ta’ Franza u meta l-pajjiż, fil-jum tal-Erbgħa, irreġistra mas-60,000 każ ġdid f’perjodu ta’ 24 siegħa,.
L-Ungerija hi wkoll fost il-pajjiżi li qed jirrappurtaw spinta ġdida ta’ infezzjonijiet u mwiet sussegwenti. Fil-fatt, l-Ungerija konfermat l-akbar ammont ta’ mwiet għal jum wieħed mill-bidu tal-pandemija u minkejja li l-kampanja tat-tilqim fil-pajjiż qabad ritmu tajjeb..
Fil-Ġermanja, mal-35,000 tobba se jibdew ilaqqmu lin-nies fil-kliniċi privati tagħhom sa minn wara l-Għid, bl-infezzjonijiet bil-Covid-19 qed jerġgħu jiżdiedu fil-pajjiż. Dan fost rapporti li kien hemm mal-24,000 każ ġdid tal-Covid fl-aħħar 24 siegħa. Mad-90 fil-mija tal-każi ta’ infezzjoni fil-Ġermanja jinvolvu l-varjant ġdid li feġġ ftit xhur ilu fir-Renju Unit,
Spanja wkoll irreġistrat żieda ġdida fil-każijiet tal-virus b’medja ta’ 152 każ għal kull 100,000 ċittadin fl-aħħar ġimgħatejn. Il-belt ta’ Madrid u Navarre fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż huma fost iz-zoni li rappurtaw qabża fil-każijiet tal-Covid-19.
//= $special ?>