Futbol Sport

Goalkeeper ta’ dixxindenza Maltija qed jisraq ix-xena fl-Awstralja

Joe Gauci hu l-isem ta’ gowlkiper Awstraljan, li għad għandu 20 sena, u li minn nofs Marzu ‘l hawn, beda’ jisraq l-attenzjoni kollha tad-dilettanti tal-A-League; il-Kampjonat ewlieni tal-futbol f’dan il-pajjiż. Sena llu, Gauci kien trasferit għal ma’ Adelaide United, wara li ftit li xejn ingħata ċans biex jilgħab u juri t-talent tiegħu meta kien ma’ Melbourne City u aktar qabel ma’ Central Coast Mariners. Dan l-istaġun kien promoss bħala l-gowlkiper ta’ riserva ta’ Adelaide United, bl-ewwel għażla tal-kowċ Thomas Veart kien il-gowlkiper ieħor prometenti Awstraljan, u li qed iħabbat mal-bieb tat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu, James Delianov li għandu 21 sena.

Wara l-ewwel għaxar partiti tal-Kampjonat, Delianov u Adelaide United bdew tajjeb u jinsabu minn ta’ quddiem biex jirbħu l-A-League Awstraljan. Ġara iżda li fil-bidu ta’ Marzu, Delianov weġġa’ l-hamstring u allura l-għażla bħala gowlkiper waqgħet fuq Gauci; Awstraljan b’dixxindenza Maltija. Kien għadu qatt ma lagħab fl-A-League u din l-opportunitá kienet waħda unika u li permezz tagħha setgħa jagħti prova tal-valur tiegħu, kif qed jirnexxilu jagħmel.

Joe Gauci għad għandu 20 sena u għadu biċ-ċans li jagħżel li jilgħab jew għal Malta jew l-Awstralja

Gauci ddebutta ma’ Adelaide United fit-13 ta’ Marzu li għadda, u għen lit-tim tiegħu jibqa’ jirbaħ meta għelbu lil Melbourne Victory 3-1. Nhar il-Ħadd li għadda, fit-tielet logħba tiegħu ma’ Adelaide, Gauci mhux biss kellu logħba tajba kontra Sydney iżda f’temp ta’ żewġ minuti salva żewġ azzjonijiet kbar ta’ skor tat-tim avversarju u kien il-magħżul bħala l-plejer tal-partita. Isem Gauci beda’ jsir popolari u anke f’Malta, permezz ta’ Replay, bdejna insegwuħ b’interess.

Gauci ssalva żewġ penalties f’logħba

Dalgħodu, fir-raba’ partita konsekuttiva tiegħu ma’ Adelaide United, bit-tim tiegħu fit-tieni post tal-klassifika, kien imisshom jilgħabu kontra l-leaders tal-Kampjonat, Central Coast Mariners; li fit-tmexxija amministrattiva tagħhom hemm il-Malti Awstraljan u President ta’ Balzan F.C., Anton Tagliaferro fir-rwol ta’ co-chairman.

Gauci kien protagonista mill-ġdid anke jekk Adelaide United tilfu 2-1. Hu salva inkredibilment żewġ penalties, wieħed f’kull taqsima, u kompla jagħti prova tal-potenzjal tiegħu iżda wisq aktar messaġġ ċar li hu jista’ jkun il-gowlkiper numru wieħed ta’ Adelaide u potenzjalment wieħed mill-gowlkipers tal-futur fl-Awstralja.

Agħfas hawn biex tara ż-żewġ penalties salvati minn Gauci fil-partita kontra Central Coast Mariners.

Sal-lum, la għadu qatt ma lagħab mal-Awstralja, Gauci għadu biċ-ċans li jagħżel għall-liema pajjiż irid jilgħab; jew Awstralja jew Malta. Skont informazzjoni li żvelat il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, il-prestazzjonijiet riċenti ta’ Gauci fl-A-League Awstraljan, laqtu l-għajn tal-MFA, bl-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol diġa’ tinsab f’kuntatt mal-gowlkiper żagħżugħ ta’ nisel Malti, b’ċans li jkun imsejjaħ biex jilgħab mat-tim nazzjonali Malti tal-kowċ Devis Mangia, possibilment f’Ġunju li ġej meta Malta se tkun qed tilgħab xi partiti ta’ ħbiberija.

Fl-istess skwadra ta’ Adeilaide, hemm plejer ieħor b’dixxindenza Maltija, u li ukoll hu prometenti ferm, Louis D’Arrigo li għad għandu biss 19-il sena. D’Arrigo llum lagħab il-partita kollha u jilgħab fir-rwol ta’ plejer f’nofs il-grawnd iżda b’tendenzi aktar difensivi. D’Arrigo għandu ukoll parantela Taljana, apparti dik Awstraljana u Maltija. Fl-aħħar jiem, Replay (Net Television) ikkomunika direttament ma’ D’Arrigo, fejn dan ikkonferma l-interess tiegħu li jilgħab għal Malta, jekk l-Malta Football Association – 1900 tistiednu u jkun mgħajjat mill-kowċ Devis Mangia.

Louis D’Arrigo hu Awstraljan ieħor li kkonferma d-dixxindenza Maltija tiegħu, u li hu meqjus fost l-aktar talenti eċitanti fl-Awstralja

Intant f’dawn il-jiem, Replay kompla jżid fir-riċerka tiegħu dwar plejers li jilgħabu barra minn Malta u li potenzjalment għandhom dixxindenza Maltija u li allura jistgħu jilgħabu għal Malta fil-futur. Nhar il-Ħadd li ġej waqt il-programm Replay, se nkunu qed nagħtu aġġornament dwar dawn il-plejers u se jitħabbru dettalji ġodda dwar plejers li jistgħu jagħtu l-valur miżjud lit-tim nazzjonali tagħna.