Lokali

Grupp ta’ immigranti jitlob biex jidħol f’pajjiżna

Matul din il-ġimgħa reġgħet qed tgħolli rasha l-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, b’rapporti jindikaw illi hemm mijiet ta’ dgħajjes li qed jaqsmu mill-Afrika lejl l-Ewropa.

Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, kien rappurtat illi 80 immigrant jinsabu bejn sema u ilma, fl-ibħra taz-zona Maltija tat-tiftix u salvataġġ. Dan ħabritu l-għaqda Alarm Phone permezz ta’ Tweet, fejn qalet li l-awtoritajiet Maltin mhux iwieġbu għas-sejħa ta’ dawk abbord.

Alarm Phone qalet li dawn l-immigranti jinsabu fuq dinghy imdaqqas u spiccaw maqbuda f’nofs ta’ baħar minħabba li għandhom ħsarat fil-magni. Kollox qed jindika li dawn l-immigranti telqu mil-Libja.

Vjaġġi oħra qed jaslu anke sal-kosta Taljana, fejn matul il-jum tal-Ħamis kien hemm rapporti ta’ għexieren ta’ immigranti li ddaħħlu Pozzallo mill-awtoritajiet Taljani. Fost dawn, kien hemm 17-il tifel u tifla.

Fl-ewwel jiem ta’ din is-sena, 96 immigrant kienu salvati fiz-zona SAR ta’ Malta, għalkemm ma nafux jekk dawn inżammux f’pajjiżna jew le. 

Fi Frar li għadda, grupp ta’ immigranti daħal f’Wied iż-Żurrieq. B’kollox kienu ġew miżmuma 5 Sirjani u 3 Eġizzjani, b’Net News kien irraporta li l-immigranti kienu niżlu bid-dgħajsa u bdew jitolbu lin-nies fejn jorqdu. Eventwalment, l-immigranti kienu nġabru fis-sigħat mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.

Jiem wara, fl-istess xahar, max-xatt ta’ Birżebbuġa daħal dinghy li fuqu kien hemm għadd ta’ immigranti. Abbord kien hemm 55 persuna, kollha rġiel.