Lokali Qorti

Il-proċeduri jkomplu aktar tard dan ix-xahar

Fil-Qorti, fl-aħħar ġimgħa bdew il-proċeduri fil-konfront tal-11-il persuna li tressqu fl-20 ta’ Marzu li ghadda b’rabta ma akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus, korruzzjoni u falsifikazzjoni ta’ dokumenti fost l-oħrajn.

Minkejja li l-maġġorparti tal-akkużi huma fil-konfront tal-eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri u Brian Tonna, il-persuni l-oħrajn ukoll qed jaffaċċjaw akkużi serji.

L-allegat involviment ta’ missier Keith Schembri, Alfio Schembri, huwa relatat ma’ ċekkijiet li kienu joħorġu mill-kumpanija Kasco f’isem Alfio Schembri li imbgħad kienu jgħaddu għal għand Keith Schembri. Allegatament, dan sar biex Keith Schembri seta’ jibqa’ jieħu paga waqt li kien fil-kariga ta’ Chief of Staff.

F’dan il-proċess kien involut Robert Zammit tal-Kasco… fejn s’issa jidher li kien l-uniku involviment tiegħu fil-każ. Zammit wieġeb mhux ħati, iżda qed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Alfio Schembri wieġeb mhux ħati tal-akkużi u għamel kważi 10 t’ijiem fil-ħabs ta’ Kordin qabel ma ngħata l-libertà proviżorja fl-aħħar jiem.

L-involviment ta’ Malcolm Scerri tal-Kasco jidher li kien l-iktar fid-deal tax-xiri tal-magni tat-Times ghaliex kien involut fid-disinn tal-proġett. Hu kien arrestat waqt li kien qed jilghab it-tennis. Malcolm Scerri wieġeb mhux ħati, iżda qed jinżamm Kordin.

Karl Cini ta’ Nexia BT jidher li kien involut f’ħafna mill-manuvri li fihom kien involut Brian Tonna. U Manuel Castagna, li wkoll hu parti mill-kumpaniji Nexia BT, hu nvolut f’ħafna mill-akkużi li fihom qed jissemmew Tonna u Cini.

Persuna oħra akkużata b’involviment hija Katrin Bondin Carter li wkoll tifforma parti minn Nexia BT. Mistoqsija dwar dokumenti backdated li ħolqot, Bondin Carter wieġbet li dak kollu li għamlet kien fuq struzzjonijiet ta’ Brian Tonna u Karl Cini, li hi kienet tobdi.

Apparti l-Kasco u Nexia, kien hemm l-involviment tal-kumpanija Zenith, bid-diretturi Lorraine Falzon u Matthew Pace ukoll tressqu l-Qorti. Falzon u Pace ngħataw il-libertà proviżorja wara xi jiem fil-ħabs ta’ Kordin.

Fatt interessanti li ħareġ kien li Brian Tonna kien irrefera lil Keith Schembri bħala klijent ta’ Zenith, u sussegwentament, Schembri għamel l-istess bl-akkużati l-oħrajn kif ukoll b’Adrian Hillman.